MAFA League: Valletta St Pauls u Marsa jżommu l-konsistenza

Tuesday, March 7, 2017, 16:14

Gavin Muscat

L-isfidanti ewlenin għat-titlu finali, Marsa St Michael u Valletta St Pauls komplew bit-triq tar-rebħ wara li xejnu għal kollox l-isfida ta’ Senglea Gunners u Santa Lucia Falcons rispettivament.

Dawn ir-riżultati kkonfermaw l-ambizzjonijiet għar-rebħ tal-kampjonat miż-żewġ timijiet li jista’ jiġi deċiż fil-konfront dirett li ser jintlagħab ftit tal-ġimgħat oħra.

Il-leaders Marsa ftit sabu diffikulta’ sabiex għelbu lil Senglea Gunners bl-iskor ta’ 5-2 f’partita li ġiet iddominata mill-bidu sal-aħħar mit-tim immexxi minn Malcolm Tirchett.

Marsa ħadu biss minuta biex marru minn fuq permezz ta’ Philip Taylor, bl-istess plejers jirdoppja l-iskor għaxar minuti wara.

It-tim mill-Isla bdew isibuha diffiċli jżommu l-attakkanti perikolużi Marsin u hawn daħal fix-xena l-iskorer prolifiku Ricardo Severino illi fit-30 minuta għamilhom 3-0, riżultat li biha ntemmet l-ewwel taqsima.

Hekk kif bdiet it-tieni taqsima, St Michael komplew jiskorjaw u din id-darba kien imiss lil Hans Bayima Nelson illi jsib ix-xibka sabiex għamilhom 4-0.

Senglea Gunners issa ma kellhom xejn x’jitilfu u bdew ikunu iktar avventurużi lejn il-lasti Marsin tant illi fid-59 minuta, Clint Ellul naqqas il-marġni tal-iskor.

Marsa ma nħasdux u fit-63 minuta skorjaw il-ħames gowl grazzi għal Keiston Theuma wara azzjoni maħduma ferm tajjeb.

Żewġ minuti qabel tmiem il-partita, Clint Ellul għaqqad doppjetta personali għal Senglea u għamel l-iskor aktar rispettabbli għat-tim tiegħu.

B’din ir-rebħa Marsa baqgħu fl-ewwel post tal-klassifika hekk kif żammew it-tliet punti vantaġġ fuq Valletta St Pauls li min-naħa tagħhom irrispondew b’rebħa tennistika ta’ 6-2 fuq Santa Lucia Falcons.

————————————————————————————————————————————————————-

Valletta St Pauls vs Santa Lucia Falcons

Il-Beltin kellhom il-kontroll assolut tal-logħba tant illi fi spazju ta’ ħames minuti, bejn it-tielet u t-tmien minuta, skorjaw żewġ gowls permezz ta’ Lee Cumbo u Kane Psaila.

Santa Lucia għamlu reazzjoni u fis-17 –il minuta naqqsu l-iskor permezz ta’ Nicola Micojevic.

Valletta baqgħu jkunu aggressivi tant li kien Kane Psaila illi skorja t-tieni gowl personali tiegħu u għamilhom 3-1.

Il-gowls baqgħu ġejjin u erba’ minuti minn tmiem l-ewwel taqsima kien Leandro Camilleri illi żied ieħor għas-St Pauls.

Santa Lucia ttantaw iwieġbu għad-dominju Belti u fil-45 minuta rnexxielhom jerġgħu jsibu x-xibka permezz ta’ Mladen Lazic.

It-tim mill-Kapitali kompla jżomm sod u kien imiss lil Cruyff Grixti illi skorja doppjetta sabiex issiġġilla l-iskor finali favur it-tim tiegħu.

————————————————————————————————————————————————————-

KLASSIFIKA:

L-Ewwel Diviżjoni:

Marsa St Michael 24,

Valletta 21,

Senglea 14,

Sta Lucia Falcons 9

—————————–

It-Tieni Diviżjoni:

Fleur de Lys CFK 11,

Qormi Hotspurs 9,

Tal-Qroqq Versity 8,

Mqabba Albions 7,

Valletta Stars 5

Valletta(blu) vs St.Lucija (isfar)





Leave a comment