MAFA League: Valletta St Pauls jibqgħu fit-taqtiegħa

Sunday, February 12, 2017, 21:27

Gavin Muscat

Valletta St Pauls naqqsu l-iżvantaġġ tagħhom minn mal-liders Marsa St Michael għal tliet punti meta kif mistenni ma sabu l-ebda diffikulta’ sabiex għelbu lil Mqabba Albions bl-iskor kbir ta’ 5-0.

Kienet logħba fejn il-Beltin iddominaw mill-bidu sal-aħħar bid-difiża tal-Albions ikollha x’tagħmel mhux ħażin u bil-keeper Daniel Buttigieg iwettaq ukoll diversi saves.

Bla dubju illi Valletta St Pauls wettqu wirja mill-aqwa hekk kif kellhom l-għatx għar-rebħa sabiex taw twissija li ser ikunu huma wkoll kontendenti għat-titlu finali hekk kif dalwaqt tibda t-tieni fażi tal-Kampjonat tal-MAFA.

It-tim mill-Kapitali fetħu l-iskor wara 24 minuta logħob permezz ta’ Mohammed Elamari illi ħasad lid-difiża ta’ Mqabba sabiex Axel Fleri rdoppja l-iskor sitt minuti wara u għamilhom 2-0 qabel l-intervall.

Il-pjan tal-logħba qajla nbidel fit-tieni taqsima hekk kif St Pauls skorjaw tlieta oħra permezz ta’ Olumibe Osaile, Denis di Maio u Leonardo Camilleri.

Għal Mqabba din kienet is-seba’ telfa tagħhom fil-Kampjonat hekk kif issa ntlaħqu minn Tal-Qroqq Versity fil-post ta’ qabel tal-aħħar fil-klassifika.

Fil-fatt il-Versity irnexxielhom jerġgħu jirritornaw għar-rebħ wara li għelbu lil Santa Lucia Falcons bl-iskor ta’ 4-1.

It-tim minn Tal-Qroqq kellhom il-motivazzjoni li jieħdu t-tliet punti minn dan il-konfront u ħasdu lill-Falcons b’ħafna kontrattakki perikolużi speċjalment fit-tieni taqsima.

Madankollu kienu t-tim minn Santa Lucia illi marru minn fuq fit-18-il minuta permezz ta’ Sayad Mashdavi.

Tal-Qroqq Versity żammew il-kalma u tliet minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima rnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs grazzi għall-gowl ta’ Victon Bouvett.

Hekk kif bdiet it-tieni taqsima, il-Versity ħarġu bħall-iljuni u rnexxielhom jaħsdu lill-avversarji b’kontrattakki ferm perikolużi u rnexxielhom idawru l-iskor favurihom wara li Norman Hill sab ix-xibka fl-44 minuta.

Santa Lucia nħasdu u hawn spikka fost kulħadd l-attakkant tal-Versity Owen Gilford illi f’temp ta’ 9 minuti skorja doppjetta personali u ssiġġilla rebħa ferm tajba għat-tim tiegħu.

Min-naħa tal-Falcons huma jinsabu fi kriżi kbira ta’ riżultati hekk kif sofrew telfa oħra xejn mistennija.

KLASSIFIKA:
Marsa St Michael 24, Valletta St Pauls 21, Senglea Gunners 14, Santa Lucia Falcons, Qormi Hotspurs 9, Fleur de Lys CFK 8, Mqabba Albions, Tal-Qroqq Versity 7, Valletta Stars 4.

 





Leave a comment