MAFA League: Senglea jdawru telfa f’rebħa u jsaħħu t-tielet post

Sunday, February 5, 2017, 21:44

Senglea jdawru telfa f’rebħa u jsaħħu t-tielet post

Gavin Muscat

Gowl ferm sabiħ ta’ Clint Ellul ta rebħa importanti għal Senglea Gunners bl-iskor ta’ 2-1 fuq Fleur de Lys CFK sabiex komplew issaħħu t-tielet post tal-klassifika tal-Kampjonat tal-MAFA.

Għalkemm il-Gunners sabu ruħhom gowl minn taħt wara kwarta logħob mit-tieni taqsima, għarfu jżommu l-kalma u ma damux ma ġabu l-iskor indaqs sabiex eventwalment dawru telfa f’rebħa.

Minkejja t-telfa, Fleur de Lys kienu tim determinat illi żammew difiża soda sabiex taw battikata lis-Sengleani.

Kienu proprju Fleur de Lys li marru minn fuq fis-60 minuta permezz ta’ gowl ta’ N.Zammit wara azzjoni ferm veloċi ta’ kontrattakk.

Senglea Gunners ma tilfux rashom u dlonk ġabu l-iskor indaqs żewġ minuti wara permezz ta’ Christian Zammit .

Dawn tal-aħħar bdew jagħmlu l-kuraġġ hekk kif bdew joħolqu aktar attakki lejn il-lasti ta’ Fleur de Lys.

U f’wieħed minn dawn huma rnexxielhom jiskorjaw il-gowl tar-rebħa meta wara cross mil-lemin kien Clint Ellul illi nxteħet tajjeb u b’daqqa ta’ ras spettakolari għeleb għal kollox lill-goalkeeper avversarju.

Din kienet ir-raba’ rebħa fil-kampjonat ghall-Gunners illi tkompli tagħtihom kuraġġ għall-kumplament tal-kampjonat.

————————————————————————————————————————————————————-

F’partita oħra ferm missielta, Qormi Hotspurs u Valletta Stars temmew il-konfront tagħhom fi dro ta’ 2-2.

Kienu Qormi li marru fil-vantaġġ permezz ta’ Chris Muscat sabiex għamel l-iskor 1-0 u hekk intemmet l-ewwel taqsima.

Fit-tieni taqsima, l-Istilel Beltin ħarġu ferm tajjeb tant li dawru r-riżultat favurihom f’temp ta’ ħames minuti b’gowls ta’ Borg u Muscat.

Għalkemm 2-1 minn taħt, il-Hotspurs ma qatgħux qalbhom u wara diversi tentattivi rnexxielhom jġibu l-parita’ hekk kif Chris Muscat sab ix-xibka sabiex għaqqad doppjetta personali.

Dan ir-riżultat ippermetta lil Qormi Hotspurs li jilħqu lil Santa Lucia Falcons fir-raba’ post tal-klassifika b’disa’ punti filwaqt illi Valletta Stars laħqu lil Tal-Qroqq Versity b’erba’ punti għalkemm għadhom fl-aħħar post tal-klassifika.

————————————————————————————————————————————————————-

KLASSIFIKA:
Marsa St Michael 24, Valletta St Pauls 18, Senglea Gunners 14, Santa Lucia Falcons, Qormi Hotspurs 9, Fleur de Lys CFK 8, Mqabba Albions 7, Tal-Qroqq Versity, Valletta Stars 4.





Leave a comment