MAFA League: Reazzjoni f’waqtha tagħti punt lil Tal-Qroqq Versity

Monday, February 20, 2017, 21:10

Gavin Muscat

Logħba li kienet waħda ferm sabiħa b’azzjonijiet veloċi fuq kull naħa.

Dan hekk kif bdiet uffiċjalment it-tieni fażi tal-kampjonat tal-MAFA filwaqt illi t-timijiet inqasmu f’żewġ diviżjonijiet.

Dan kien konfront mit-Tieni Diviżjoni, grupp li jidher illi se jkun ferm interessanti minħabba li t-timijiet jinsabu kollha viċin xulxin.

Il-Beltin kienu tajbin fl-ewwel taqsima hekk kif marru minn fuq u ħolqu diversi azzjonijiet lejn il-lasti tal-Versity illi damu ftit ma sabu saqajhom fil-grawnd.

Mal-bidu tat-tieni taqsima, l-Istilel Beltin komplew fejn ħallew u saħansitra rnexxielhom jirdoppjaw l-iskor.

Madankollu t-tim minn Tal-Qroqq żamm kalm u wettqu reazzjoni ferm qawwija tant li bejn it-62 u l-65 minuta rnexxielhom iġibu l-iskor indaqs sabiex kisbu punt meritat.

Kien Charlot Borg illi poġġa lil Valletta Stars fil-vantaġġ wara disa’ minuti logħob sabiex Melchior Psaila rdoppja l-iskor fit-52 minuta.

Kollox kien jidher illi Valletta Stars kienu se jieħdu tliet punti minn din il-logħba iżda ma kellux ikun hekk għax Tal-Qroqq Versity wettqu reazzjoni ferm rabbjuża u sabu x-xibka grazzi għall-gowls ta’ Clyde Bonavia u Owen Gilford.

Dan il-punt aktar ikkuntenta lil Tal-Qroqq illi telgħu fit-tielet post tal-klassifika filwaqt illi kien hemm diżappunt mill-Beltin illi ma rnexxielhomx jinqalgħu mill-aħħar post.

F’partita oħra ferm bilanċjata, Fleur de Lys CFK dawru telfa f’rebħa wara li għelbu lil Mqabba Albions b’riżultat ta’ 2-1.

Wara taqsima fejn ma rajna l-ebda gowl u biż-żewġ difiżi jirnexxielhom jikkontrollaw lill-attakkanti rispettivi, kienu Mqabba illi fetħu l-iskor b’gowl ta’ Redent Cassar.

Fleur de Lys tefgħu kollox fuq l-attakk bl-intenzjoni illi jaqilbu r-riżultat favur tagħhom u rnexxielhom jagħmlu dan hekk kif fis-46 minuta huma ngħataw penalty.

Mill-ħdax –il metru kien Kevin Formosa illi għeleb lil Buttigieg sabiex ġab l-iskor indaqs.

Il-missjoni ta’ Fleur De Lys ġiet kompluta fid-69 minuta wara li f’azzjoni ferm veloċi kien Norbert Zammit illi ssiġġilla r-rebħa u r-riżultat finali ta’ 2-1.

————————————————————————————————————————————————————-

KLASSIFIKA – L-ewwel Diviżjoni

Marsa St Michael 24, Valletta St Pauls 21, Senglea Gunners 14, Santa Lucia Falcons 9

KLASSIFIKA – It-Tieni Diviżjoni

Fleur De Lys CFK 11, Qormi Hotspurs 9, Tal-Qroqq Versity 8, Mqabba Albions 7, Valletta Stars 5





Leave a comment