MAFA League: Qormi Hotspurs fl-ewwel post wara rebħa tajba

Wednesday, March 15, 2017, 13:21

Gavin Muscat

Qormi Hotspurs huma l-leaders il-ġodda tal-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni tal-MAFA meta b’gowl kull taqsima għelbu l-isfida denja ta’ Tal-Qroqq Versity bl-iskor ta’ 2-1.

Kienet logħba li fuq il-karta kellha tkun bilanċjata bejn żewġ timijiet li bejniethom kellhom differenza ta’ punt wieħed biss fil-klassifika.

Il-Hotspurs reġgħu wkoll irritornaw għar-rebħ u għamlu dan bl-aktar mod konvinċenti meta b’wirja kbira fit-tieni taqsima rnexxielhom isibu t-triq għall-gowl.

Il-Qriema, li kienu qed iżanżnu flokk ġdid fjamant, marru minn fuq wara erba’ minuti logħob permezz ta’ Yosef Bonnici.

Tal-Qroqq Versity damu ftit ma sabu saqajhom għalkemm fl-ewwel okkażjoni serja tagħhom irnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs grazzi għall-gowl ta’ Adrian Pavia.

Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet fi draw ta’ 1-1, iż-żewġ timijiet ħarġu għat-tieni waħda bl-intenzjoni li jsibu l-gowl illi jagħtihom it-tliet punti prezzjużi u filfatt kienu Qormi Hotspurs illi għamlu dan fil-45 minuta meta Andy Camilleri niżżel ismu fost l-iskorers tal-partita.

Dan il-gowl fl-aħħar mill-aħħar kellu jkun dak tar-rebħa hekk kif il-Hotspurs bdew l-impenji tagħhom tat-tieni rawnd b’riżultat ferm pożittiv.

————————————————————————————————————————————————————-

Sadanittant Valletta Stars inqalgħu mill-aħħar post tal-klassifika meta rebħu lil Mqabba Albions bl-iskor ta’ 4-3.

Logħba li kien fiha minn kollox, ħafna gowls, tliet penalties u xi deċiżjonjiet xi ftit kontroversjali min-naħa tar-referi.

L-istilel Beltin ħarġu għal din il-partita b’ħeġġa liema bħalha illi jtemmu s-serje ta’ riżultati negattivi u rnexxielhom jistabbilixxu vantaġġ doppju fl-ewwel kwarta logħob.

Mqabba pront wettqu reazzjoni tant illi saħansitra ġabu l-iskor indaqs.

Lejn it-tmiem hekk kif l-iskor kien 4-2 favur il-Beltin, Mqabba reġgħu daħlu fil-partita wara li skorjaw penalty sabiex kellna final drammatiku.

Minkejja kollox Valletta Stars iddefendew tajjeb tant illi ħarġu bi tliet punti fundamentali minn dan il-konfront.

Valletta marru minn fuq permezz ta’ Jurgen Pace illi fit-12 –il minuta ħasad għal kollox lill-keeper Buttigieg.

Fis-17 –il minuta, Valletta ngħataw penalty illi ġie skorjat minn Chris Farrugia sabiex irdoppja l-iskor għat-tim tiegħu.

Mqabba daħlu mill-ġdid fil-partita b’żewġ gowls verament sbieħ skorjati minn Christian Fardell u Shawn Abela illi f’temp ta’ sitt minuti għamlu l-iskor 2-2.

Qabel tmiem l-ewwel taqsima, Valletta Stars reġgħu sabu x-xibka permezz ta’ penalty tal-istess Chris Farrugia illi b’hekk għaqqad doppjetta personali.

Fit-tieni taqsima, Valletta ħarġu tajjeb u skorjaw ir-raba’ gowl tagħhom grazzi għal Mark Muscat illi fid-39 minuta għamilhom 4-2.

It-tielet penalty tal-ġurnata ngħata favur Mqabba sabiex mill-ħdax –il metru Redent Cassar naqqas il-marġni tal-iskor.

Minkejja l-attakki kontinwi ta’ Mqabba, l-Istilel Beltin żammew sod sabiex kisbu t-tieni rebħa staġjonali.

KLASSIFIKA: 

L-ewwel Diviżjoni: 

Marsa St. Michael 24 punt,

Valletta St Pauls 21 punt,

Senglea Gunners 14-il punt,

Santa Lucia Falcons 9 punti

It-Tieni Diviżjoni:

Qormi Hotspurs 12 –il punt,

Fleur de Lys CFK 11 –il punt,

Tal-Qroqq Versity, Valletta Stars 8 punti,

Mqabba Albions 7 punti.





Leave a comment