MAFA League: Marsa St Michael jżommu rekord perfett

Sunday, January 22, 2017, 14:38

Gavin Muscat

Marsa St Michael temmew l-ewwel round tal-Kampjonat tal-MAFA b’punti massimi u fetħu disa’ punti vantaġġ fuq l-eqreb rivali tagħhom Valletta St Pauls għalkemm b’żewġ logħbiet aktar.

Dan wara li s-Sibt wara nofsinhar għelbu lil Valletta Stars bl-iskor ta’ 3-0 f’logħba ferm interessanti.

Minkejja r-rebħa, il-Marsin ma’ sabuhiex faċli kontra l-Istilel Beltin li addottaw dixxiplina tattika fil-ground u ħolqu wkoll xi ċansijiet ta’ skor matul il-partita.

Madankollu l-leaders tal-kampjonat skorjaw fl-iktar mumenti kruċjali tal-logħba sabiex kisbu t-tmien rebħa minn daqstant logħbiet.

Kien Mohammed Telessi illi poġġa lit-team tiegħu fil-vantaġġ wara 23 minuta logħob sabiex l-ewwel taqsima intemmet 1-0 favur Marsa St Michael.

Hekk kif bdiet it-tieni taqsima, Marsa ħarġu ferm aggressivi u rnexxielhom jagħmluhom tnejn b’goal tal-Albaniż Armando Gjepali wara azzjoni veloċi.

Valletta Stars ittantaw reazzjoni pero’ minkejja l-isforzi tagħhom ma’ rnexxielhomx inaqqsu l-marġni tal-iskor.

Minuta minn tmiem il-logħba l-iskorer prolifiku Ricardo Severino ssiġġilla r-riżultat għat-team tiegħu b’xutt verament tajjeb.

B’hekk Marsa St Michael żammew ir-rekord perfett tagħhom fil-Kampjonat.

Fuq in-naħa l-oħra, minkejja t-telfa ta’ min ifaħħar il-wirja ferm tajba li wettqu Valletta Stars li tagħtihom kuraġġ għall-kumplament tal-istaġun.

————————————————————————————————————————————————————-

F’partita oħra ferm akkanita, Senglea Gunners dawru telfa f’rebħa sabiex għelbu lil Mqabba Albions 4-2.

Kienet logħba li kien fiha minn kollox, sitt goals, azzjonijiet fuq kull naħa u diversi opportunitajiet ta’ skor.

Senglea Gunners ħadu biss minuta biex marru fil-vantaġġ permezz ta’ goal ta’ Stephen Zammit bid-difiża ta’ Mqabba maqbuda fuq sieq waħda.

L-istess Mqabbin wettqu reazzjoni u fl-10 minuta ġabu l-iskor indaqs wara li Shawn Abela sab ix-xibka.

Il-logħba kienet qed tintlagħab fuq ritmu mgħaġġel ħafna tant illi s-Sengleani ma damux ma skorjaw il-goal ta’ 2-1 permezz ta’ Miguel Zammit.

Madankollu pront waslet ir-risposta ta’ Mqabba illi reġgħu ġabu d-draw hekk kif Shawn Abela għaqqad doppjetta personali.

Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba baqa’ l-istess, għalkemm il-Gunners bdew jieħdu dejjem aktar l-inizzjattiva tant illi skorjaw darbtejn oħra f’temp ta’ ħames minuti.

L-ewwel kien Stephen Zammit illi fit-52 minuta għeleb lill-keeper ta’ Mqabba sabiex ħames minuti wara Gouder McKay issiġġilla r-riżultat finali.

B’din ir-rebħa, it-team mill-Kottonera qabeż lil Sta Lucia Falcons fil-klassifika hekk kif jinsab jokkupa t-tielet post tal-klassifika.

—————-

KLASSIFIKA

Marsa St Michael 24,

Valletta St Pauls 15,

Senglea Gunners 11,

Sta Lucia Falcons 9,

Fleur de Lys CFK 7,

Mqabba Albions 6,

Qormi Hotspurs 5,

Tal-Qroqq Versity 4,

Valletta Stars 3





Leave a comment