MAFA League: Marsa St Michael ikkomfermati champions

Sunday, April 2, 2017, 22:36

Gavin Muscat

Marsa St Michael rebħu l-Kampjonat tal-MAFA meta fl-isfida deċiżiva għelbu lir-rivali Valletta St Pauls bl-iskor ta’ 2-1.

Dan kien l-għaxar kampjonat illi rebħu l-Marsin fl-istorja tagħhom wara nuqqas ta’ 22 sena.

Logħba li kienet ferm mistennija hekk kif kellna pubbliku numeruż illi attenda għal din il-partita fil-grawnd ta’ Santa Luċija.

Il-Marsin kellhom sodisfazzjon kbir illi jispiċċaw dan il-Kampjonat b’punti massimi hekk kif rebħu l-logħbiet kollha li lagħbu mingħajr l-ebda dro jew telfa.

Valletta riedu rebħa bilfors sabiex jisfurzaw decider kontra l-istess Marsin.

Iż-żewġ timijiet kellhom l-aqwa formazzjoni possibbli għal din il-partita f’logħba li ma tantx entużjażmat lil dawk preżenti.

Valletta bdew mal-ewwel fuq l-attakk iżda kienu Marsa illi fetħu l-iskor fil-21 minuta minn frikik ferm tajjeb tal-Brażiljan Ricardo Severino illi għeleb lil Jianiro Camilleri bejn il-lasti Beltin.

Dan il-gowl xpruna mhux ftit lil Marsa illi baqgħu jattakkaw u kien l-istess Camilleri illi salva xuttijiet konsekuttivi ta’ Gjepali u l-istess Severino.

Bl-ewwel taqsima tagħlaq b’Marsa St Michael 1-0 minn fuq.

Fit-tieni taqsima, Valletta ħarġu kkargati sabiex iġibu l-iskor indaqs u wara tentattiv ta’ Di Maio illi mar barra, huma rnexxielhom jiksbu l-parita’ fit-53 minuta meta xutt tal-istess Denis di Maio ħasad għal kollox lil gowlkeeper Marsi Keith Brincat illi deher indeċiż f’din iċ-ċirkostanza sabiex għamel l-iskor 1-1.

Valletta spiċċaw jilagħbu b’għaxra min-nies meta fil-45 minuta tkeċċa Carl Cremona wara foul fuq plejer Marsi.

Konxji mill-plejer aktar fil-grawnd, Marsa żiedu d-doża tal-attakk tagħhom u fis-57 minuta rnexxilhom isibu l-gowl illi tahom ir-rebħa u anke l-Kampjonat.

Kien kontrattakk veloċi mibdi minn Nikolay Filipov bil-ballun jasal għand Armando Gjepali illi b’lob meqjus u sabiħ għeleb għat-tieni darba lil Jianiro Camilleri sabiex poġġa lill-plejers, diriġenti u partitarji ta’ Marsa f’dellirju ta’ ferħ.

Biex tkompli tiġihom ħażina, it-tim mill-Kapitali kellhom plejer ieħor mkeċċi meta Leandro Camilleri ġie muri l-karta l-ħamra mir-referi ta’ din il-partita Ismael Barbara.

Il-Marsin baqgħu jikkontrollaw sal-aħħar sabiex kisbu rebħa ferm importanti illi tathom il-kampjonat wara 22 sena.

Mat-tmiem il-partita kien hemm ċelebrazzjonijiet kbar mill-Marsin illi laħqu l-qofol tagħhom meta l-captain Brian Zammit ġie ppreżentat bit-tazza mill-president tal-MAFA is-sur Twanny Agius.

————————————————————————————————————————————————————-

F’partita oħra li kellna mill-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni, Senglea Gunners temmew l-istaġun fuq nota pożittiva meta sabu l-ebda diffikulta’ biex jegħlbu lil Santa Lucia Falcons bl-iskor ta’ 5-0.

Kienet logħba li ma kellha l-ebda nteress fil-klassifika hekk kif it-tim mill-Kottonera kienu diġa’ garantiti mit-tielet post.

Huma skorjaw il-gowls tagħhom permezz ta’ doppjetta ta’ Tyron Borg u gowl kull wieħed għal Rayson Vella, Clint Ellul u Lydon Debono.

————————————————————————————————————————————————————-

KLASSIFIKA FINALI – L-EWWEL DIVIŻJONI

Marsa St Michael 33,

Valletta St Pauls 27,

Senglea Gunners 17,

Santa Lucia Falcons 9

Ritratt: Warren Sammut

Marsa St.Michaels jiċċelebraw bit-trofew





Leave a comment