MAFA League: Marsa jibqgħu fit-triq tar-rebħ (Jan.2017)

Thursday, January 19, 2017, 18:46

Gavin Muscat

Marsa St Michael’s żammew is-sitt punti vantaġġ f’ras il-klassifika fuq l-eqreb rivali tagħhom Valletta St Paul’s, għalkemm b’logħba aktar, meta b’żewġ goals fit-tieni taqsima rnexxielhom jegħlbu l-isfida denja ta’ Tal-Qroqq Versity bl-iskor ta’ 2-0.

Mingħajr m’għamlu xejn speċjali, il-Marsin skorjaw il-goals li riedu sabiex kisbu s-seba’ rebħa minn daqstant partiti u żammew rekord perfett fil-Kampjonat.

Wara li fl-ewwel taqsima Tal-Qroqq Versity żammew lill-avversarji tagħhom b’difiża soda, żewġ żbalji difensivi f’temp ta’ żewġ minuti wittew it-triq għal rebħa oħra Marsija.

Kien il-Brażiljan Ricardo Severino illi fit-38 minuta spara fis-saqaf tax-xibka wara azzjoni ferm veloċi filwaqt illi fl-40 minuta, Marsa rduppjaw permezz ta’ Glenn Fenech wara li rċieva cross fil-baxx.

Min-naħa tagħhom, Valletta St Pauls, friski mis-suċċess fil-Christmas Cup, għelbu lil Qormi Hotspurs bl-iskor minimu ta’ 1-0.

Kienet logħba ferm differenti minn dik li kellna l-ġimgħa l-oħra fejn Valletta kienu rebħu lill-istess Qriema 4-1.

Din id-darba, iż-żgħażagħ tal-Hotspurs żammew sod u ma kinitx faċli għall-attakkanti Beltin li jinfdu d-difiża ferm dixxiplinata tal-avversarji tagħhom.

Qormi operaw b’kontrattakki li setgħu kienu perikolużi.

Minkejja dan kollu kienu Valletta illi skurjaw il-goal li ddeċieda l-konfront permezz ta’ Glenn Cassar illi tefa’ l-ballun fix-xibka proprju wara erba’ minuti mill-bidu tat-tieni taqsima.

Santa Lucia Falcons komplew bis-serje negattiva ta’ riżultati  meta ġew megħluba minn Senglea Gunners bl-iskor ta’ 3-0.

Il-Falcons, b’diversi uċuh ġodda fit-team, sabuha ferm diffiċli illi jsibu t-triq lejn ix-xibka.

Huma ġew maħsuda wara biss tliet minuti mill-bidu tal-partita meta Clint Ellul poġġa lis-Sengleani fil-vantaġġ.

Santa Lucia Falcons ippruvaw iwettqu reazzjoni pero’ sabu lill-keeper tal-Isla f’forma mill-aqwa hekk kif ċaħħad lill-attakkanti mis-sodisfazzjon tal-goal.

Fit-tieni taqsima, Senglea komplew jersqu lejn il-lasti tal-Falcons u għamluhom tnejn permezz ta’ Clint Ellul illi b’hekk skorja doppjetta personali.

Is-siġill fuq dan il-konfront wasal fil-50 minuta permezz ta’ Mark Ciantar li b’hekk għen lit-team tiegħu jikseb it-tieni rebħa staġjonali u jersqu biss punt il-bogħod mill-istess Santa Lucia Falcons.

—————————–

KLASSIFIKA

Marsa St Michael’s 21,

Valletta St Pauls 15,

Santa Lucia Falcons 9,

Senglea Gunners 8,

Fleur de Lys CFK 7,

Mqabba Albions 6,

Qormi Hotspurs 5,

Tal-Qroqq Versity 4,

Valletta Stars 3





Leave a comment