MAFA League: Marsa jibbrillaw fil-konfront dirett

Thursday, December 15, 2016, 20:16

Gavin Muscat

Marsa St Michael rebħu l-partitissima tan-naħa ta’ fuq tal-klassifika meta għelbu liċ-champions preżenti Valletta St Paul’s bl-iskor ta’ 3-2 f’logħba ferm sabiħa, akkanita u kumbattuta.

Logħba li uriet ukoll li dawn iż-żewġ timijiet se jkunu protagonisti assoluti ta’ dan il-Kampjonat li aktar ma jmur qed ikompli jisbieħ hekk kif intlagħbu l-logħbiet li kienu posposti fid-19 ta’ Novembru li għadda minħabba l-maltemp.

Minkejja li sabu ruħhom minn taħt, Marsa ma qatgħux qalbhom, żammew kalmi u xprunati mill-forma kbira tal-Brażiljan Ricardo Severino fi spazju ta’ disa’ minuti dawru telfa f’rebħa hekk kif skorjaw tliet darbiet qabel il-mistrieħ.

Fit-tieni taqsima, il-Beltin ħarġu iktar aggressivi bl-intenzjoni li jerġgħu jidħlu fil-partita u għalkemm skorjaw kellhom l-isfortuna li jfallu penalty fl-aħħar minuti tal-logħba.

Dan kien il-pjan tal-partita hekk kif Valletta marru fil-vantaġġ wara 28 minuta logħob permezz ta’ Denis di Maio.

Il-Beltin ftit damu jgawdu dan il-vantaġġ għax Marsa minnufih ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Ricardo Severino.

L-istess player beda jkun ta’ xewka kontinwa għad-difiża Beltija u f’temp ta’ erba’ minuti, bejn il-35 u d-39 minuta, irnexxielu jiskorja żewġ gowls oħra sabiex daħħal lit-team tiegħu jistrieħ 3-1 minn fuq.

Fit-tieni taqsima, it-tim mill-Kapitali ħareġ ferm aggressiv u rnexxielu jnaqqas il-marġni tal-iskor għal darb’oħra permezz tal-player Taljan tagħhom Denis di Maio sabiex għaqqad doppjetta personali.

Valletta St Pauls issa bdew jemmnu li jistgħu iġibu r-riżultat hekk kif tefgħu kollox fuq l-attakk, bil-Marsin joperaw b’xi kontrattakki veloċi.

Lejn it-tmiem tal-partita, Valletta ngħataw penalty mir-referee Raymond Tabone wara foul fil-kaxxa Marsija.

Inkariga ruħu mix-xutt mill-ħdax –il metru Malcolm Marmara li ra x-xutt tiegħu jispiċċa barra fost id-diżappunt tal-players u partitarji Beltin.

B’hekk Marsa St Michael issa fetħu vantaġġ ta’ sitt punti fuq l-eqreb rivali tagħhom Valletta St Pauls għalkemm dawn tal-aħħar għandhom partita inqas.

————————————————————————————————————————————————————-

F’partiti oħra li ntlagħbu lbieraħ,  Santa Lucia Falcons komplew jiddiżappuntaw hekk kif sofrew telfa ta’ 3-0 kontra Fleur de Lys CFK.

Il-Falcons, illi sfaw eliminati fis-semifinali tal-Christmas Cup, ippruvaw jilagħbu l-logħba tipika tagħhom pero’ sabu lil Fleur de Lys CFK b’motivazzjoni kbira li jakkwistaw it-tieni rebħa tagħhom fil-Kampjonat.

Huma marru fil-vantaġġ fis-27 minuta permezz ta’ Christian Sammut sabiex għalqu l-ewwel taqsima 1-0 minn fuq.

Fit-tieni taqsima, Santa Lucia ppruvaw iwettqu reazzjoni pero’ ftit kienu effettivi lejn il-lasti ta’ Fleur de Lys.

Dawn tal-aħħar issiġġillaw ir-rebħa b’żewġ goals oħra hekk kif fil-51 minuta kien Charlon Sammut illi rdoppja l-iskor u Robert Bajada għamel l-iskor ta’ 3-0 finali.

————————————————————————————————————————————————————-

Fl-aħħar nett kellna draw ġust ta’ 1-1 bejn Qormi Hotspurs u Senglea Gunners. B’hekk dawn iż-żewġ timijiet baqgħu t-tnejn bl-istess numru ta’ punti.

Kienu Senglea Gunners illi marru fil-vantaġġ fid-39 minuta b’goal ta’ Tyrone Borg sabiex l-ewwel taqsima għalqet b’dawn tal-aħħar 1-0 minn fuq.

Qormi, friski mis-suċċess fis-semifinali tal-Christmas Cup, ġabu l-goal tad-draw meta l-player tas-Senglea Luke Pace tefa’ l-ballun fix-xibka tiegħu stess għal autogoal klassiku.

L-istess Qormi ser ikunu qed jikkontestaw il-finali tal-Christmas Cup kontra Valletta St Pauls nhar is-Sibt illi ġej fil-ground ta’ Santa Lucia fi 3.30pm.

————————————————————————————————————————————————————-

KLASSIFIKA: Marsa St Michael 18,

Valletta St Pauls 12,

Santa Lucia Falcons 9,

Fleur De Lys CFK 7,

Mqabba 6,

Qormi Hotspurs, Senglea Gunners 5,

Tal-Qroqq Versity 4,

Valletta Stars 3

 

Marsa St.Michael

 





Leave a comment