MAFA League: Marsa b’punti massimi

Sunday, November 20, 2016, 12:36

Gavin Muscat

Gowl skorjat minn Glenn Bonello permezz ta’ penalty, kien biżżejjed sabiex Marsa St Michael jitilgħu f’ras il-klassifika tal-Kampjonat tal-MAFA hekk kif għelbu l-isfida qawwija ta’ Senglea Gunners bl-iskor ta’ 1-0.

B’din ir-rebħa, il-Marsin qabżu l-ewwel waħedhom iżda b’logħba aktar mir-rivali tagħhom Valletta St Paul’s li f’dan tmiem il-ġimgħa ma kinux impenjati.

Din l-istess rebħa kienet preludju għal konfront dirett illi Marsa St Michael ser ikollhom kontra l-istess Valletta St Paul’s nhar is-Sibt li ġej.

Kienet logħba ferm bilanċjata, bis-Sengleani jaqsmu l-logħob mal-Marsin.

Wara taqsima mingħajr gowls, kien proprju fis-70 minuta illi Marsa ngħataw penalty li ġie trasformat minn Bonello sabiex irreġistraw il-ħames rebħa konsekuttiva.

————————————————————————————————————————————————————-

F’konfront bejn żewġ timijiet bl-istess numru ta’ punti fil-klassifika, Qormi Hotspurs u Fleur de Lys CFK spiċċaw fi draw ta’ 1-1.

Dan ir-riżultat ma biddel xejn mix-xorti tal-klassifika taż-żewġ timijiet.

Kien Josef Bonnici illi fil-25 minuta poġġa lill-Qriema minn fuq.  Madankollu kien Chris Barbara illi ġab il-gowl tad-draw għal Fleur de Lys biż-żewġ timijiet issa jitilgħu għal 4 punti fil-klassifika.

————————————————————————————————————————————————————-

Valletta Stars kisbu l-ewwel rebħa tagħhom fil-kampjonat u inċidentalment l-ewwel punti tal-istaġun meta ddominaw u rebħu lil Tal-Qroqq Versity bl-iskor ta’ 5-1.

Wara taqsima fejn il-Beltin ħadu vantaġġ doppju, fit-tieni taqsima dawn tal-aħħar baqgħu jamministraw il-logħba sabiex kellhom l-ewwel togħma ta’ rebħa f’dan l-istaġun.

Andre Cutajar kien awtur ta’ doppjetta b’Mark Muscat, Charlot Borg u Daniel Ancilleri jżidu iktar gowls għal Valletta Stars.

Norman Hill naqqas id-distakk għal Tal-Qroqq.

Fil-klassifika Marsa jinsabu fl-ewwel post bi 15 –il punt, segwiti minn Valletta St Paul bi 12 pero’ b’logħba inqas, Sta Lucia Falcons għandhom 9 punti, Mqabba Albions b’6 punti filwaqt illi għandna erba’ timijiet b’erba’ punti li huma Tal-Qroqq, Senglea Gunners, Fleur de Lys CFK u Qormi Hotspurs.

Minkejja r-rebħa, Valletta Stars jibqgħu fl-aħħar post bi 3 punti.

 

Marsa St Michael





Leave a comment