MAFA League: Hat-trick ta’ Spiteri jpoġġi lil Fleur de Lys fl-ewwel post

Sunday, April 16, 2017, 15:48

Gavin Muscat

Fleur de Lys CFK għamlu pass importanti lejn ir-rebħ tal-Kampjonat tat-Tieni Diviżjoni tal-MAFA meta fil-konfront dirett tan-naħa ta’ fuq tal-klassifika huma għelbu lil Qormi Hotspurs bl-iskor ta’ 3-2.

Hekk kif kollox issa jiġi deċiż fl-aħħar ġurnata li ser tintlagħab il-ġimgħa d-dieħla, Fleur de Lys  irnexxielhom saħansitra jaqbżu lill-Qriema fil-klassifika.

Kienet partita ferm divertenti li pproduċiet xejn inqas minn ħames gowls fejn kienu l-Hotspurs illi marru minn fuq permezz ta’ Aidan Caruana.

Fleur de Lys bdew jagħfsu sabiex isibu l-gowl tad-dro u rnexxielhom jagħmlu dan tliet minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima wara li Saviour Spiteri sab ix-xibka.

Hekk kif bdiet it-tieni taqsima, ir-ritmu tal-partita baqa’ ferm għoli u reġgħu kienu Qormi li reġgħu marru fil-vantaġġ fl-40 minuta permezz ta’ Jacob Falzon.

Iż-żewġ timijiet baqgħu jattakkaw u Fleur de Lys ġabu l-iskor indaqs mas-siegħa logħob u reġa kien Saviour Spiteri illi ħasad lid-difiża tal-Hotspurs sabiex approfitta mill-viċin.

Dan l-attakkant ta’ Fleur de Lys beda jkun ta’ theddida kontinwa għad-difiża ta’ Qormi u filfatt kien proprju hu illi fit-68 minuta ssiġġilla r-rebħa favur it-tim tiegħu sabiex anke hu kellu ġurnata memorabbli hekk kif skorja hat-trick f’din il-partita.

————————————————————————————————————————————————————-

F’logħba oħra li kellna Tal-Qroqq Versity reġgħu rritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Mqabba Albions 3-2.

Din kienet l-aħħar partita għall-Albions f’dan il-kampjonat hekk kif temmewh fl-aħħar post tal-klassifika bi tmien punti.

Dawn tal-aħħar jistgħu jkunu diżappuntati illi m’għarfux iżommu l-vantaġġ illi kellhom hekk kif Tal-Qroqq għamlu reazzjoni qawwija sabiex kisbu t-tielet rebħa staġjonali.

Kienu Tal-Qroqq illi marru minn fuq wara 23 minuta logħob permezz ta’ Adam Eshum illi wara li rċieva kross mil-lemin approfitta minn ribawnd sabiex għeleb lil gowlkiper ta’ Mqabba.

L-Albions bdew joħorġu mill-qoxra difensiva tagħhom u fil-31 minuta skorjaw il-gowl tal-1-1 meta Redent Cassar għeleb lill-keeper ta’ Tal-Qroqq mill-viċin.

Bl-ewwel taqsima tintemm bl-iskor ta’ 1-1, kienu Mqabba li ħarġu tajjeb u fil-50 minuta kien Shaun Abela illi poġġihom fil-vantaġġ.

Madankollu kienet ferħa bla temma għall-Albions għax pront il-Versity skorjaw għal darba darbtejn permezz ta’ Nicholas Abela u Marlon Cauchi sabiex qalbu r-riżultat favur tagħhom.

————————————————————————————————————————————————————-

Klassifika  – L-ewwel Diviżjoni:

Marsa St Michael 33,

Valletta St Pauls 27,

Senglea Gunners 17,

Santa Lucia Falcons 9

——————————————–

Klassifika –It-Tieni Diviżjoni

Fleur de Lys CFK 14,

Qormi Hotspurs 13,

Valletta Stars, Tal-Qroqq Versity 11,

Mqabba Albions  8





Leave a comment