MAFA League: Fleur de Lys champions tat-Tieni Diviżjoni

Wednesday, April 26, 2017, 16:07

Gavin Muscat

Fleur de Lys CFK huma c-champions il-ġodda tat-Tieni Diviżjoni tal-MAFA meta b’gowl f’kull taqsima għelbu lil Tal-Qroqq Versity bl-iskor ta’ 2-0.

Kien suċċess meritat għat-tim minn Fleur de Lys illi kienu motivati li jieħdu t-tliet punti sabiex jaċċertaw ruħhom mix-xettru ta’ champions.

Fleur de Lys ħarġu fuq l-attakk sabiex jagħlqu din il-partita minn kmieni pero’ sabu lid-difiża tal-Versity ferm dixxiplinata sabiex kellhom jistennew sal-25 minuta biex marru fil-vantaġġ permezz ta’ Robert Bajada.

Fit-tieni taqsima, Tal-Qroqq ippruvaw reazzjoni pero’ kienu Fleur de Lys illi rdoppjaw l-iskor hekk kif Gabriel Galea sab ix-xibka mill-viċin.

Il-plejers bil-flokkijiet bojod baqgħu jikkontrollaw is-sitwazzjoni sabiex kisbu r-rebħa finali u eventwalment il-kampjonat.

————————————————————————————————————————————————————-

Sodisfatti wkoll Valletta Stars illi ħadu t-tazza tat-tieni post meta għelbu lil Qormi Hotspurs bl-iskor ta’ 3-1.

Wara bidu mhux daqstant pożittiv, il-Beltin tjiebu ferm lejn l-aħħar parti tal-istaġun u rnexxielhom jiksbu punti ferm importanti biex saħansitra mhux talli nqalgħu mill-aħħar post tal-klassifika, talli kienu kapaċi jiksbu dan it-tieni post prestiġġjuż.

Min-naħa l-oħra, din kienet it-tieni telfa konsekuttiva għall-Qriema illi fl-ewwel staġun tagħhom fil-MAFA spiċċaw fit-tielet post tal-klassifika.

Valletta Stars ħarġu ferm aggressivi u motivati u ħasdu lil Qormi Hotspurs illi min-naħa tagħhom iddiżappuntaw fil-logħob tagħhom.

Kienu l-Istilel Beltin illi marru fil-vantaġġ wara tmintax –il minuta logħob permezz ta’ Andre Cutajar sabiex l-ewwel taqsima għalqet 1-0.

Fit-tieni taqsima, Valletta komplew jattakkaw u fil-45 minuta skorjaw it-tieni gowl tagħhom permezz ta’ Mark Muscat wara azzjoni ferm tajba.

Sabiex f’wieħed mill-kontrattakki li bdew itellgħu Qormi rnexxielhom jnaqqsu l-marġni tal-iskor grazzi għall-gowl ta’ Eman Agius.

Madankollu kienet ferħa bla temma għall-Hotspurs hekk kif Valletta Stars issiġġillaw ir-rebħa finali permezz ta’ Andre Cutajar illi b’hekk skorja doppjetta personali.

Biż-żewġ kampjonati tal-MAFA prattikament deċiżi u mitmuma, il-ġimgħa d-dieħla tibda l-fażi tan-Knock-Out fejn disa’ timijiet se jippruvaw jiksbu l-aħħar unur tal-istaġun

Klassifika Finali tat-Tieni Diviżjoni:

Fleur de Lys CFK 17, Valletta Stars 14, Qormi Hotspurs 13, Tal-Qroqq Versity 11, Mqabba Albions 8.

Fleur De Lys





Leave a comment