MAFA L-Ewwel Diviżjoni: Versity jikkonfermaw u jibbrillaw

Monday, January 14, 2019, 8:12

RAPPORT: Robert Busuttil

Wirja eċċezzjonali fit-tieni taqsima kienet strumentali sabiex Versity AFC żammew l-ewwel post tal-klassifika u eventwalment għelbu lil Marsa St Michael bl-iskor ta’ 4-2. It-tim fit-tieni post Senglea Gunners naqas li jżomm il-momentum tiegħu meta seta’ jiġi biss dro ta’ 1-1 kontra ċ-champions Valletta St Pauls filwaqt li Naxxar Victorians ħadu l-ewwel punt tagħhom wara dro ta’ mingħajr gowls kontra Qormi Hotspurs.

Sadanittant il-klassifika tat-tieni diviżjoni ċċaqalqet waħda u sew wara riżultati sorpriża fil-partiti tal-bieraħ. Balzan ikkonfermaw il-mument pożittiv tagħhom b’rebħa kbira fuq ir-rebbieħa tal-Christmas Cup Valletta Stars filwaqt li Żurrieq Sunrise qabżu fl-ewwel post tal-klassifika u taw l-ewwel telfa lil Fleur de Lys. Min-naħa l-oħra wirja kbira mill-plejer veteran Malcolm Tirchett xprunat lix-Xlukkajri f’rebħa tajba kontra Mqabba Albions.

Fil-partita prinċipali tal-ġurnata Tal-Qroqq Versity kisbu r-raba’ rebħa staġjonali meta f’logħba ferm kumbattuta u akkanita huma għelbu lil Marsa St Michael bl-iskor ta’ 4-2. Dawn tal-aħħar għalqu l-ewwel taqsima b’vantaġġ ta’ 1-0 iżda kkrollaw għal kollox fit-tieni taqsima tant li qalgħu erba’ gowls fi spazju ta’ ftit minuti. Ċertament li nħass ħafna l-iskorer prolifiku tagħhom Ricardo Severino li ma kienx disponibbli għal din il-partita.

Mertu kollu jieħduh il-Versity li bil-plejers barranin tagħhom ġabu lid-difiża Marsija f’diffikulta’ kbira speċjalment fil-kontrattakki veloċi tagħhom.

Sadanittant kienu Marsa li marru fil-vantaġġ wara 25 minuta logħob meta l-akkwist il-ġdid tagħhom Osagie Imarhiagu avvanza tajjeb u wara li qabeż żewġ difensuri inkluż il-gowlkiper tefa’ l-ballun fix-xibka.

Wara li l-ewwel taqsima għalqet b’Marsa 1-0 minn fuq, seħħet ir-reazzjoni aggressiva ta’ Versity li pront ġabu l-iskor indaqs fid-49 minuta meta wara kross ta’ Bilali kien Julian Muller li għola fuq kulħadd u bir-ras għeleb lil Ivanov.

Marsa ppruvaw iwettqu reazzjoni iżda reġgħu kienu t-tim minn Tal-Qroqq li bdew joħolqu attakk wara l-ieħor. Kien fis-57 minuta li huma għamluhom tnejn meta azzjoni tajba ta’ Daniel Erber spiċċat b’dan tal-aħħar jixxuttja fil-baxx sabiex jagħmilhom 2-1.

Is-St Michael dehru ferm maħsuda u ma kinitx sorpriża li qalgħu t-tielet wieħed. Kien xogħol tajjeb ta’ Erber li għadda bejn żewġ difensuri u qassam lil Julian Muller li wara li rranġa l-ballun ma’ saqajh b’xutt bomba għeleb lil Ivanov għat-tielet darba.

Marsa għamlu  kuraġġ u naqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ frikik tajjeb ta’ Dimitri Boyadhziev li ssoprenda lill-keeper tal-Versity.

Minkejja kollox reġgħu kienu l-Versity li ssiġġillaw ir-rebħa meta kien Yakubu Bilali li rċieva tajjeb mingħand Muller u b’xutt ieħor tajjeb tefa’ wara Ivanov għal skor finali ta’ 4-2.

It-tim fit-tieni post Senglea Gunners setgħu jiġu biss dro ta’ 1-1 kontra ċ-champions Valletta St Pauls sabiex issa jinsabu tliet punti bogħod mil-liders fil-klassifika.

Kienet logħba bilanċjata li kollox ma’ kollox ir-riżultat ta’ dro kien l-iktar wieħed ġust. Wara li l-ewwel taqsima ntemmet fi dro ta’ 0-0, kienu Senglea Gunners li marru fil-vantaġġ fid-49 minuta permezz ta’ Soualio Fofana li għeleb lill-gowlkiper avversarju.

Valletta wettqu reazzjoni immedjata u ġabu l-iskor indaqs meta r-referi Joe Camilleri issenjala penalty favur l-istess Beltin li ġie skorjat minn Tyron Borg li b’hekk skorja t-tieni gowl staġjonali tiegħu.

Għalxejn kienu l-isforzi taż-żewġ timijiet sabiex jiksbu r-rebħa minħabba li d-difiżi rispettivi kkontrollaw mill-aħjar li setgħu.

Naxxar Victorians kisbu l-ewwel punt tagħhom tal-Ewwel Diviżjoni wara dro ta’ 0-0 kontra Qormi Hotspurs. In-Naxxarin kellhom wirja qalbenija u tjiebu ferm mill-aħħar ħarġiet tagħhom fejn kellhom ukoll iċ-ċansijiet tagħhom quddiem il-lasti. Iż-żgħażagħ Qriema ppruvaw joħolqu l-logħob tipiku tagħhom iżda sabu lid-difiża tal-Victorians ferm kumpatta. Kollox ma’ kollox ir-riżultat ta’ dro kien l-iktar wieħed ġust.

Fil-kampjonat tat-tieni diviżjoni, il-liders il-ġodda huma Żurrieq Sunrise li fil-konfront dirett tan-naħa ta’ fuq tal-klassifika huma għelbu lil Fleur de Lys CFK bl-iskor ta’ 2-0. Dawn tal-aħħar ġew sorpriżi mill-avversarji tagħhom li kienu ferm determinati li jiksbu t-tliet punti finali. Għal Fleur de Lys din kienet l-ewwel telfa fil-kampjonat wara sensiela ta’ riżultati pożittivi.

Iż-Żrieraq skorjaw żewġ gowls f’temp ta’ 90 sekonda l-ewwel permezz tal-iskorer prolifiku Owen Gilford li għeleb lill-gowlkiper avversarju fil-31 minuta. F’leħħa ta’ berqa wasal it-tieni wieħed din id-darba permezz ta’ Sanabo Groussou Aziz. Issa Żurrieq għandhom 12-il punt minn sitt logħbiet bi Fleur de Lys li waqgħu għat-tieni post.

Balzan Youths kisbu rebħa tajba ta’ 4-1 kontra Valletta Stars sabiex telgħu fit-tielet post tal-klassifika. Għalihom spikkaw id-duo ta’ attakkanti Shaun Matintela u Velibor Kopunovic li ħarbtu għal kollox lid-difiża ta’ Valletta Stars. Dawn tal-aħħar kellhom diversi plejers neqsin u dan kollu kkundizzjona l-logħob tagħhom. Wara li rebħu l-MAFA Christmas Cup, l-Istilel Beltin naqsu  milli jiksbu tliet punti f’dawn l-aħħar żewġ logħbiet u baqgħu lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika.

Shaun Matintela skorja doppjetta għall-Balzanin filwaqt li Velibor Kopunovic u Pedro Lemos żiedu tnejn oħra għalihom. Clivert Sciberras kien naqqas l-iskor għall-Istilel Beltin.

Marsaxlokk AFC qabżu fir-raba’ post tal-klassifika meta kisbu rebħa komda ta’ 3-1 kontra Mqabba Albions. Ix-Xlukkarji kienu ferm tajbin bil-plejer veteran Malcolm Tirchett jispikka meta skorja doppjetta, wieħed minnhom minn penalty. Yakubu żied ieħor għalihom sabiex kisbu tliet punti ferm importanti.

Għall-Imqabba Albions naqqas il-marġni tal-iskor Brian Schiavone.

KLASSIFIKA L-EWWEL DIVIŻJONI:

Versity AFC 12, Senglea Gunners 9, Marsa St Michael 8, San Ġiljan Saints 7, Valletta St Pauls 5, Qormi Hotspurs 4, Naxxar Victorians 1.

KLASSIFIKA IT-TIENI DIVIŻJONI:

Żurrieq Sunrise 13, Fleur de Lys 11, Balzan Youths 10, Marsaxlokk 9, Valletta Stars 7, Mosta Vikings 6, Mqabba Albions 1





Leave a comment