MAFA l-Ewwel Diviżjoni – Versity AFC dikjarati ċampjins

Monday, May 13, 2019, 7:40

Rapport: Robert Busuttil

Versity AFC huma r-rebbieħa tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA meta f’logħba li ddominaw mill-bidu sal-aħħar, huma għelbu lil Qormi Hotspurs bl-iskor ta’ 4-0.

Dan kien l-ewwel kampjonat mirbuħ kemm ilhom jieħdu sehem f’din l-assoċjazzjoni.

Kienet partita li t-tim minn Tal-Qroqq kellu jirbaħ akkost ta’ kollox sabiex jaċċerta ruħu mir-rebħ meritat ta’ dan il-kampjonat. It-tim immexxi minn Andreas Leirich kiseb 27 punt minn 12-il partita li jinkludu disa’ rebħiet u tliet telfiet.

Fost kulħadd spikka l-iskorer prolifiku tagħhom Julian Muller li skorja tliet gowls fejn filwaqt li kien ta’ theddida għad-difiża Qormija, kien involut f’ħafna mill-azzjonijiet offensivi tat-tim. Dawn it-tliet gowls għenu wkoll lill-attakkant Franċiż jispiċċa fil-quċċata tal-lista tal-aqwa skorers meta skorja 15-il gowl.

Qormi Hotspurs resqu għal din il-partita mingħajr żewġ plejers importanti nieqsa Kyle Sultana u Yosef Bonnici u batew ferm sabiex irażżnu l-furja tal-avversarji tagħhom. Huma kienu diġa laħqu l-objettiv primarju tagħhom dik li jsalvaw biex b’hekk setgħu jilagħbu din il-partita mingħajr pressjoni.

Versity AFC mal-ewwel urew l-intenzjonijiet tagħhom hekk kif wara żewġ minuti marru fil-vantaġġ. Kien Bilali Yakubu li ħa ballun tajjeb man-naħa xellugija tal-grawnd u qassam lil Julien Muller li minn żewġ passi bogħod fetaħ l-iskor għat-tim tiegħu.

Ħames minuti wara huma rdoppjaw l-iskor meta wara through pass ferm tajjeb, kien Julien Muller li b’xutt mal-ewwel ħasad lil Dwayne Camilleri.

Versity AFC komplew jagħfsu u bdew itellgħu ballun wara ieħor iżda b’xi mod id-difiża Qormija biegħdet kull periklu sabiex l-ewwel taqsima għalqet 2-0 favurihom.

Fit-tieni taqsima, il-pjan tal-logħba ftit inbidel b’Versity jattakkaw u Qormi jiddefendu. Fil-55 minuta, it-tim immexxi minn Andreas Leirich għamluhom tlieta meta kien Bilali Yakubu li ħa ballun tajjeb u għadda lejn l-iżmarkat Julien Muller li b’xutt fil-baxx xeħet fir-rokna tax-xibka. Għall-attakkant Franċiż dan kien gowl speċjali hekk kif għaqqad tripletta personali u spiċċa wkoll bħala l-aqwa skorer ta’ din id-diviżjoni.

Qormi dehru li ramew ix-xugaman u ma kinitx sorpriża li dabbru r-raba’ wieħed meta kien Bilali Yakubu li niżżel ismu fost l-iskorers wara li għeleb lil Camilleri mill-viċin.

Mat-tisfira finali tar-referi  Carl Galea setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet tal-plejers u diriġenti ta’ Versity AFC li laħqu l-qofol tagħhom mal-preżentazzjoni tat-tazza lill-captain Joseph Achokwu mill-president tal-MAFA is-sur Twanny Agius.

Senglea Gunners aċċertaw ruħhom mit-tieni post tal-klassifika meta f’logħba divertenti huma għelbu lil Naxxar Victorians bl-iskor ta’ 2-1. Minkejja li dawn tal-aħħar kienu diġa’ jafu li ġew relegati, huma taw qalbhom f’din il-partita u taw daqs kemm qalgħu kontra avversarji aktar ikkwotati minnhom.

Kollox laħaq il-qofol tiegħu fl-ewwel taqsima fejn ġew skorjati l-gowls li kkaraterizzaw il-partita. Senglea bnew vantaġġ ta’ żewġ gowls f’temp ta’ żewġ minuti bejn il-15 u s-16-il minuta.

L-ewwel kien Abdullah Hussein li għeleb lil Mikhail Duca mill-viċin sabiex minuta wara kien Rio Micallef li rdoppja b’azzjoni oħra tajba.

Naxxar Victorians naqqsu l-marġni tal-iskor fis-27 minuta b’gowl verament sabiħ ta’ Kurt Debono li b’xutt bid-dawra ħasad lil Fardell.

Wara li l-ewwel taqsima ntemmet b’Senglea Gunners 2-1 minn fuq, in-Naxxarin ittantaw reazzjoni iżda sabu lid-difiża avversarja lesta għal kull ma seta’ jinqala’ sabiex l-iskor baqa’ ma nbidilx.

San Ġiljan Saints ħadu walk-over fuq Valletta St Pauls wara li dawn tal-aħħar ma niżlux għal-logħob. B’konsegwenza ta’ dan it-tim mill-kapitali tnaqqsulhom tliet punti u tilfu wkoll it-tieni post tal-klassifika.

Mill-banda l-oħra huma ser jibdew l-istaġun li ġej bi tliet punti mnaqqsa minħabba li taw walk-over fit-tieni rawnd tal-kampjonat.

KLASSIFIKA FINALI MAFA L-EWWEL DIVIŻJONI:

Versity AFC 27, Senglea Gunners 22, Valletta St Pauls 20, Marsa St Michael 16, Qormi Hotspurs 15, San Ġiljan Saints 11, Naxxar Victorians 1.

 





Leave a comment