- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

MAFA KO: Magħrufa l-erba’ semifinalisti

Posted By Sportinmalta On February 2, 2020 @ 2:15 pm In Featured,Football,MAFA League | No Comments

Saru magħrufa l-erba’ semifinalisti tal-kompetizzjoni MAFA Knock-Out meta lbieraħ intlagħbu l-kwarti tal-finali ta’ din il-kompetizzjoni fil-grawnds ta’ Santa Lucia u ż-Żurrieq.

Fil-fatt Senglea Gunners, Tal-Qroqq Versity, Żurrieq Sunrise u Marsa St Michael ibbukjaw post mal-aħħar erba’ tal-kompetizzjoni minkejja l-oppożizzjoni iebsa li sabu mill-avversarji tagħhom.

Fil-fatt dawn l-erba’ partiti kienu ferm bilanċjati bir-riżultat inċert sal-aħħar fi tlieta mill-erba’ logħbiet li ntlagħbu.

M’hemmx dubju li kull ma jmur il-livell tat-timijiet li qed jieħdu sehem fil-MAFA qed ikompli jiżdied u fuq kollox ftit dehret id-differenza fid-diviżjoni f’xi konfronti.

Il-ħolders ta’ din il-kompetizzjoni Tal-Qroqq Versity dawru telfa f’rebħa meta għelbu lil Tarxien AFC bl-iskor ta’ 3-1.

Kienet logħba li fiha Tarxien bdew tajjeb tant li marru fil-vantaġġ, bit-tieni taqsima li kienet kollha favur it-tim minn Tal-Qroqq li rnexxielu jdawwar l-iskor favurih.

Jason Woodhead poġġa lil Tarxien fil-vantaġġ wara 18-il minuta logħob sabiex daħħal lit-tim tiegħu jistrieħ 1-0 minn fuq.

Fit-tieni 35 minuta waslet ir-reazzjoni aggressiva ta’ Versity AFC li fiha skorjaw xejn inqas minn tliet gowls.

L-ewwel kien Daniel Erber li fit-42 minuta ġab l-iskor indaqs, b’Alfonso Martinez li rdoppja tliet minuti wara.

Bir-riżultat 2-1 kontrihom, Tarxien bdew jattakkaw fit-tentattiv li jisfurzaw l-għoti tal-penalties iżda bid-difiża tagħhom maqbuda fuq sieq waħda kien Ubadike Ifeanyichukwu li ssiġġilla l-passaġġ tat-tim tiegħu fis-semifinali meta skorja eżatt mas-70 minuta.

Referì kien Ray Tabone

Ir-rebbieħa tal-MAFA Christmas Cup Żurrieq Sunrise kienu ferm determinati tant li għelbu lil San Ġiljan Saints bl-iskor ta’ 3-0. Dawn tal-aħħar kien id-dell tat-tim li rebaħ lil Valletta St Pauls ġimgħa ilu fejn ftit sab tarf tal-aggressivita’ li wrew l-avversarji Żrieraq. Mill-banda l-oħra dan it-tim baqa’ juri konsistenza kbira matul dan l-istaġun fejn barra li rebaħ l-imsemmija tazza jinsab jokkupa n-naħa ta’ fuq tal-klassifika tal-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni tal-MAFA.

Il-liders tat-tieni diviżjoni San Ġiljan ippruvaw joħolqu xi okkażjonijiet iżda sabu lid-difiża tas-Sunrise b’burdata mill-aqwa.

Kien Marco Saraceno li poġġa lil Żurrieq fil-vantaġġ sabiex l-ewwel taqsima għalqet 1-0 favurihom. Fit-tieni taqsima San Ġiljan ittantaw reazzjoni iżda reġgħu kienu ż-Żrieraq li skorjaw żewġ gowls lejn l-aħħar permezz ta’ Jamal Mirkalov u Michael Gatt għar-riżultat finali ta’ 3-0.

Referì kien Reno Galea.

Marsa St Michael għamluha għal mal-aħħar erbgħa tal-kompetizzjoni meta għelbu l-isfida denja li tawhom Balluta Barracudas bl-iskor ta’ 4-2.

Kienet logħba fejn iż-żgħażagħ mill-Balluta dehru ferm determinati u taw biċċa xogħol lill-Marsin sakemm waslet il-kwalifikazzjoni finali.

Marsa ħadu għaxar minuti sakemm marru minn fuq permezz ta’ Malik Hussein li kien wieħed mill-plejers li spikka f’din il-partita. Dejan Madzharov irdoppja l-iskor fis-26 minuta għalkemm Angelo Migliore reġa’ daħħal lil Balluta fil-partita.

Fit-tieni taqsima, Barracudas fetħu tajjeb u ġabu l –iskor indaqs fl-44 minuta permezz ta’ Nicholas Borg.

Hawn il-Marsin irrealizzaw li kellhom iwettqu reazzjoni u għamlu dan bl-aħjar mod possibbli hekk kif Dimitar Boyadhziev u l-istess Malik Hussein skorjaw il-gowls ta’ kwalifikazzjoni.

Referì tal-partita kien Slawomir Olucha.

Fl-iktar partita bilanċjata Balzan Youths AFC u Senglea Gunners kellhom imorru għall-għoti tal-penalties wara skor ta’ 2-2.

Kienet logħba ferm sabiħa biż-żewġ naħat li taw daqskemm qalgħu għalkemm fl-aħħar mill-aħħar kienu Senglea Gunners li ħarġu rebbieħa bl-għoti tal-penalties.

It-tim mill-Kottonera fetħu tajjeb u  marru minn fuq fis-seba’ minuta permezz ta’ Simphiwe Nomfulana.

Balzan kellhom reazzjoni f’waqtha u ġabu d-dro tliet minuti wara permezz ta’ Jacques Vella Critien li żamm l-appuntament mal-gowl u għamilhom 1-1.

Il-Balzanin dehru ferm determinati u reġgħu skorjaw permezz ta’ Shaun Matintela.

Fit-tieni taqsima, Senglea Gunners ħarġu tajjeb u ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ James Borg.

Bil-logħba li baqgħet ma żblukkatx ruħha, kellna mmorru għall-għoti tal-penalties.

U hawn Balzan ma rrepetewx dak li għamlu ġimgħa ilu kontra Valletta Stars minħabba li tilfu 5-4 wara l-għoti tal-penalties b’xutt mill-ħdax-il metru minnhom li spiċċa mal-lasta.

Referì kien Kurt Saliba.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/mafa-ko-maghrufa-l-erba-semifinalisti-2/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.