MAFA KO – Jiskorja l-gowlkiper u San Ġiljan jgħaddu għall-kwarti tal-finali

Monday, January 28, 2019, 9:51

Il-gowlkiper ta’ San Ġiljan Saints Ryan Kerr kien il-protagonista prinċipali hekk kif għen lit-tim tiegħu javvanza għall-kwarti tal-finali tal-MAFA Knock-Out meta gowl fl-aħħar sekondi tal-partita salvahom minn eliminazzjoni u poġġa l-logħba għall-għoti tal-penalties li eventwalment rebħuhom.
Is-Saints ingħaqdu ma’ Versity AFC, Fleur de Lys CFK, Qormi Hotspurs, Senglea Gunners u Marsa St Michael li wkoll qatgħu biljett għall-fażi tal-aħħar tmienja tal-kompetizzjoni.
Kien tmiem drammatiku f’partita mill-isbaħ bejn San Ġiljan Saints u Valletta Stars. It-tim mill-belt kapitali Maltija kien minuta biss bogħod mill-kwalifikazzjoni iżda dak il-gowl li semmejna għamel id-differenza kollha.
Valletta Stars kienu qed jiċċelebraw il-ħamsin sena mit-twaqqif tagħhom u rnexxielhom jipproduċu logħba tajba minkejja li kien hemm differenza fid-diviżjoni. Kienu l-Istilel Beltin li marru minn fuq wara 22 minuta logħob meta Naffouri Mih Noor għadda tajjeb u wara li qabeż żewġ plejers xeħet xutt fil-baxx li għeleb lil Ryan Kerr.
Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet b’Valletta Stars 1-0 minn fuq, San Ġiljan żiedu d-doża tal-attakki tagħhom fit-tentattiv li jġibu l-gowl indaqs. U wara li kienu ilhom jippruvaw, is-Saints ġabu l-iskor indaqs eżattament fl-aħħar minuta tal-partita. Kien korner tajjeb ta’ Menzing li sab lill-gowlkiper Ryan Kerr li kien ħareġ jgħin fl-aħħar attakk u b’daqqa ta’ ras preċiża għeleb lil Sami Omar. Kien il-gowl li daħħal il-partita għall-għoti tal-penalties li eventwalment rebħuhom it-tim minn San Ġiljan bl-iskor ta’ 7-6.
Gowl ta’ Ifean Ubadike fit-43 minuta kien biżżejjed sabiex Versity AFC jikkwalifikaw għat-tieni rawnd ta’ din il-kompetizzjoni meta għelbu lil Marsaxlokk AFC bl-iskor ta’ 1-0. Kienet partita ferm goffa b’diversi plejers ammoniti u bi tlieta mkeċċija. It-tim minn Tal-Qroqq kellhom l-aktar mill-pussess tal-ballun iżda Marsaxlokk ma qagħdux lura fejn bdew joperaw bil-kontrattakki tagħhom.
Kif għedna l-partita żvolġiet b’ħafna fouls bil-Versity jispiċċaw b’9 min-nies meta tkeċċew Samra u Hamil b’Zammit jiġi muri l-karta l-ħamra għal Marsaxlokk.
Minkejja l-isforzi Xlukkajri, Versity baqgħu konsistenti sabiex waslet rebħa ferm prezzjuża.
Ricardo Severino kien il-protagonista tal-holders ta’ din it-tazza Marsa St Michael fir-ritorn tiegħu mat-tim hekk kif kien strumentali sabiex għelbu l-isfida denja ta’ Żurrieq Sunrise bl-iskor ta’ 4-2. Il-partita laħqet il-qofol tagħha fit-tieni taqsima meta ġew skorjati xejn inqas minn ħames gowls. Iż-Żrieraq taw wirja denja kontra avversarji li fuq il-karta kienu aħjar minnhom. Huma bdew jiddefendu tajjeb filwaqt li joħorġu bil-kontrattakki.
Is-St Michael ħadu 28 minuta biex fetħu l-iskor grazzi għall-gowl ta’ Shaun Vella sabiex għen lit-tim tiegħu jagħlaq l-ewwel taqsima 1-0 minn fuq.
Fit-tieni taqsima, il-Marsin ħarġu aggressivi u hawn daħal fix-xena l-iskorer prolifiku Ricardo Severino li skorja hat-trick f’temp ta’ 12-il minuta bejn il-45 u s-57 minuta bl-iskor jaqra 4-0.
Minkejja kollox ir-reazzjoni ta’ Żurrieq waslet tard hekk kif wara li naqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ Antoine Barbara, huma żiedu ieħor grazzi għal Sisamo Sarjo iżda kien tard wisq sabiex isalvaw ir-riżultat.
Senglea Gunners kellhom rebħa komda ta’ 3-0 fuq Mqabba Albions sabiex għaddew għat-tieni rawnd ta’ din il-kompetizzjoni.
Mqabba ddefendew bi ħġarhom fl-ewwel taqsima tant li rnexxielhom iżommu il-lasta tagħhom mhux mimsusa sa tmiem l-ewwel 35 minuta.
Madankollu t-tim mill-Kottonera kellu ideat oħra u ħareġ aggressiv fit-tieni taqsima tant li skorjaw tliet gowls permezz ta’ Soulio Fofana li wettaq doppjetta b’Cedric Zahra iżid ieħor biex issiġġilla r-rebħa Sengleana u bbukkja post fil-kwarti tal-finali.
Min-naħa l-oħra Fleur de Lys CFK irritornaw għar-rebħ meta forsi kontra kull mistenni għelbu lil Balzan Youths AFC bl-iskor ta’ 1-0. Kienet partita ferm sabiħa b’Balzan ikollhom ħafna mill-pussess tal-ballun iżda bi Fleur de Lys li baqgħu jżommu l-kalma sabiex bil-mod il-mod bdew jaslu lejn il-lasti tal-gowlkiper Andrew Agius.
Wara li l-ewwel taqsima ntemmet fi dro ta’ 0-0, Fleur de Lys skorjaw dak li kellu jkun il-gowl tar-rebħa fit-tieni taqsima permezz ta’ Robert Bajada li żamm l-appuntament mal-gowl u fuq kollox ta l-kwalifikazzjoni lit-tim tiegħu.
Qormi Hotspurs ukoll għaddew għal mal-aħħar tmienja tal-kompetizzjoni għalkemm kellhom imorru sal-għoti tal-penalties sabiex għelbu l-isfida denja li taw Mosta Vikings. Kienet partita interessanti fejn minkejja d-differenza fid-diviżjoni, Mosta taw dak kollu li setgħu u kienu żvinturati li kellhom jinqalgħu bil-lotterijia tal-penalties. Min-naħa tagħhom Qormi komplew juru l-entużjażmu tagħhom sal-aħħar u kien il-keeper tagħhom Dwayne Camilleri li laqa’ wieħed mill-penalties.
Qormi marru fil-vantaġġ fis-seba’ minuta meta wara azzjoni insistenti, kien Jean Paul Cuschieri li wiċċ imb’wiċċ mal-gowlkiper avversarju żerżaq il-ballun għall-ġewwa.
Mosta wettqu reazzjoni u fil-bidu tat-tieni taqsima ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Gaetano Pedroni.
Bil-partita tibqa’ ma tiżblukkax ruħha, kellna mmorru għal-lotterija tal-penalties bil-Hotspurs jiskorjaw erbgħa u l-Vikings isibu x-xibka darbtejn.
Sadanittant telgħu l-poloz tal-kwarti tal-finali ta’ din il-kompetizzjoni Knock-Out li rriżultaw hekk:
SANTA LUCIA GROUND
1400Hrs – Tal-Qroqq Versity vs Naxxar Victorians
1530Hrs – Fleur de Lys CFK vs Valletta St.Pauls
ZURRIEQ GROUND
1400Hrs – San Giljan Saints vs Qormi Hotspurs
1530Hrs – Senglea Gunners vs Marsa St.Michael





Leave a comment