MAFA KO – Ħames timijiet jgħaddu għall-kwarti tal-finali

Sunday, January 26, 2020, 14:56

Żewġ gowls lejn it-tmiem kienu biżżejjed sabiex il-liders tat-tieni diviżjoni San Ġiljan Saints jaħsdu lil Valletta St Pauls u jeliminawhom mill-kompetizzjoni tal-MAFA Knock-Out.

It-tim minn San Ġiljan ingħaqad ma’ Versity AFC, Balluta Barracudas, Balzan Youths AFC, Tarxien AFC, Senglea Gunners, Żurrieq Sunrise u Marsa St Michael li wkoll għamluha għall-kwarti tal-finali ta’ din il-kompetizzjoni.

Hekk kif matul din il-ġimgħa kellna waqfa miż-żewġ kampjonati rispettivi, it-tieni l-aqwa kompetizzjoni li toffri din l-assoċjazzjoni pproduċiet logħbiet ferm interessati fejn fihom rajna xejn inqas minn 16-il gowl. Barra minn hekk kellna żewġ partiti minn ħamsa li kellhom imorru għall-għoti tal-penalties sabiex xi ħadd jiġi dikjarat rebbieħ.

Kif għedna fl-iktar konfront li laqat l-għajn, San Ġiljan Saints komplew għaddejjin bil-fażi pożittiva tal-istaġun meta għelbu lil Valletta St Pauls bl-iskor ta’ 2-0.

Kienet logħba li ftit entużjażmat lil dawk preżenti fil-grawnd ta’ Santa Lucija minħabba li ftit kienu l-okkażjonijiet lejn il-lasti avversarji.

San Ġiljan għażlu li jilagħbu b’metodu difensiv bil-kowċ Iain Macleod jibbaża’ fuq l-attakkant Mamadou Jawo li beda jirċievi xi blalen ferm interessanti.
Mill-banda l-oħra l-gowlkiper ta’ San Ġiljan Saint Ryan Kerr kellu wirja mill-aqwa hekk kif salva lit-tim tiegħu f’żewġ okkażjonijiet li fihom Valletta setgħu skorjaw. It-tim mill-kapitali ddiżappunta ferm f’din il-partita u m’għarafx jieħu vantaġġ minn xi okkażjonijiet li ġewhom.

Wara taqsima fejn ma kellniex gowls, fit-tieni taqsima s-Saints skorjaw fl-aħħar minuti tal-logħba għal dawk li kellhom ikunu l-gowls tal-kwalifikazzjoni. L-ewwel kien Lewis Constable li mill-viċin għeleb lill-gowlkiper Jianiro Camilleri.

Ftit sekondi qabel tmiem il-partita, is-Saints skorjaw it-tieni gowl permezz ta’ xutt mill-isbaħ ta’ Philip Taylor li ħasad lil Camilleri.

Referi kien Darko Stankovic

Fit-tieni partita kellna logħba mill-isbaħ bejn iż-żgħażagħ ta’ Balluta Barracudas u Mosta Vikings fejn kellhom ikunu l-penalties li jiddeċiedu l-logħba għal tal-ewwel.

Hekk kif il-logħba spiċċat fi dro ta’ 1-1, Balluta rebħu 4-3 wara l-għoti tal-penalties.

Kienet logħba fejn Barracudas bdew tajjeb iżda l-Vikings wettqu reazzjoni u ġabu l-iskor indaqs. Għall-Mostin din kienet l-aqwa wirja tal-istaġun fejn taw qalbhom iżda bi sfortuna għalihom ħarġu fuq in-naħa telliefa.

Balluta marru fil-vantaġġ wara 18-il minuta logħob permezz ta’ Angelo Migliore li għeleb lill-gowlkiper avversarju.

Mal-ftuħ tat-tieni taqsima, Mosta bdew bl-aħjar mod possibbli meta ġabu l-iskor indaqs permezz ta’ Connor Azzopardi.

Kif għedna fl-għoti tal-penalties, kienu Balluta li ħarġu rebbieħa

Referi kien Dorian Caruana.

Fil-grawnd tal-Mosta kellna tliet partiti fejn spikkat ir-rebħa komda ta’ Senglea Gunners li għelbu lil Qormi Hotspurs bl-iskor ta’ 3-0.

Il-Gunners kienu determinati li jmorru tajjeb f’din il-partita wara d-diżappunti riċenti fil-kampjonat.
Kien is-solitu Simphiwe Nomfulana li poġġihom fil-vantaġġ fl-14-il minuta sabiex l-ewwel taqsima għalqet 1-0 favur it-tim mill-Kottonera.

Fit-tieni taqsima stennejna r-reazzjoni ta’ Qormi iżda pront reġgħu kienu s-Sengleani li rduppjaw l-iskor grazzi għall-gowl ta’ Kalil da Rosa b’James Borg li jissiġġilla r-rebħa fit-63 minuta.

Referi kien Slawomir Olucha.

Anke Tarxien AFC ftit sabu diffikultajiet sabiex jgħaddu għall-kwarti tal-finali ta’ din il-kompetizzjoni meta għelbu lil Naxxar Victorians bl-iskor ta’ 3-0.

Żewġ gowls fl-ewwel taqsima kienu strumentali sabiex it-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta jgħaddi għall-fażi oħra ta’ din il-kompetizzjoni. Huma bdew itellgħu ħafna blalen perikolużi b’Naxxar li bdew jibbażaw fuq il-kontrattakki.

Tarxien ma setax kellhom bidu mill-aqwa hekk kif marru minn fuq wara żewġ minuti permezz ta’ Miguel Grima.

Eżatt mal-35 minuta Jason Woodhead irdoppja l-iskor sabiex ta vantaġġ komdu lit-Tarxiniżi qabel tmiem l-ewwel taqsima.

Fit-tieni 35 minuta, Naxxar ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda sabu lid-difiża avversarja f’forma mill-aqwa. Dawn tal-aħħar issiġġillaw ir-rebħa finali fl-44 minuta permezz ta’ Miguel Grima li b’hekk wettaq doppjetta personali.

Referi kien Vasil Vasilev.

Finalment kellna logħba mill-isbaħ bejn Valletta Stars u Balzan Youths AFC fejn kellhom ikunu l-għoti tal-penalties li aċċerta l-kwalifikazzjoni għall-Beltin wara skor ta’ 3-3 wara l-ewwel 70 minuta logħob.

Valletta Stars marru fil-vantaġġ permezz ta’ gowl mill-isbaħ ta’ Sillah Sainey li xxuttja minn barra l-kaxxa u għeleb lill-keeper ta’ Balzan.

Hekk kif l-ewwel taqsima għalqet 1-0 favur l-Istilel Beltin, fit-tieni taqsima rajna xejn inqas minn ħames gowls.

Balzan ġabu l-iskor indaqs fil-41 minuta permezz ta’ Nuhu Babajo li kellu l-isfortuna li jixħet il-ballun fix-xibka tiegħu stess.

Valletta Stars ftit dehru impressjonati minn dan kollu u reġgħu skorjaw żewġ gowls oħra permezz ta’ Matthew Bonello u Hamza Kamara.

Fl-aħħar minuti, il-kowċ ta’ Balzan Youths Kevin Curmi wettaq xi sostituzzjonijiet fejn tefa’ kollox fuq l-attakk tant li skorjaw żewġ gowls drammatiċi fl-aħħar minuti tal-logħba permezz ta’ Chris Farrugia u Jacques Vella Critien li għamlu l-iskor 3-3.

Il-logħba kellha tmur għall-għoti tal-penalties fejn anke hawn kien hawn bilanċ assolut tant li kellhom jingħataw xejn inqas minn 16-il penalty. Fl-aħħar mill-aħħar kienu Balzan Youths li ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 8-6.

Referi kien Gjorgji Bitri.

Sadanittant telgħu l-poloz tal-kwarti tal-finali ta’ din il-kompetizzjoni li rriżultaw hekk:

Is-Sibt 1 ta’ Frar 2020
Santa Lucia Ground
2:00 pm – Marsa St.Michael vs Balluta Barracudas
3:30 pm – Tal-Qroqq Versity vs Tarxien AFC
Żurrieq Ground
2:00pm – San Giljan Saints vs Zurrieq Sunrise
3:30 pm – Balzan Youths vs Senglea Gunners





Leave a comment