MAFA Christmas Cup: Żurrieq Sunrise jeliminaw lill-favoriti

Sunday, December 15, 2019, 13:28

Żewġ gowls drammatiċi fl-aħħar tal-partita għenu lil Żurrieq Sunrise iwettqu waħda mill-ikbar sorpriżi fil-MAFA Christmas Cup meta eliminaw lill-favoriti Marsa St Michael sabiex qatgħu passaġġ għall-finali ta’ nhar is-Sibt li ġej.

Anke Senglea Gunners ikkwalifikaw għal din il-fażi l-aktar importanti tal-kompetizzjoni meta għelbu lil Balzan Youths AFC bl-iskor komdu ta’ 3-0.

Dawn iż-żewġ semifinali ntlagħbu fil-grawnd ta’ Santa Lucia f’riħ qawwi ħafna li għamel il-kontroll tal-ballun ferm diffiċli.

B’hekk nhar is-Sibt li ġej se naraw konfront ferm interessanti bejn żewġ timijiet li jilagħbu futbol offensiv u li għandhom plejers ta’ kwalita’ li kapaċi jbiddlu l-logħba ta’ taħt fuq.

Kif għedna, Senglea Gunners għelbu lil Balzan Youths bl-iskor ta’ 3-0.

Dan kien l-ewwel konfront tagħhom għal dan l-istaġun hekk kif matul ix-xahar ta’ Jannar se jerġgħu jiltaqgħu fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.

Senglea Gunners ħarġu b’metodu offensiv bl-attakkant mill-Afrika t’Isfel Simphiwe Nomfulana li kien l-iktar plejer avvanzat.

It-tim mill-Kottonera waslu sa din il-fażi wara li eliminaw lil Fgura Spartans 5-1 u San Ġiljan Saints 4-3 rispettivament.

Min-naħa ta’ Balzan Youths, il-kowċ Kevin Curmi ħejja pjan konservattiv fejn beda jibbaża ħafna mill-kontrattakki tiegħu li bdew jaslu lejn l-attakkant Shaun Matintela li kien mgħasses sew mid-difiża Sengleana.

Il-Balzanin waslu sal-aħħar erbgħa ta’ din il-kompetizzjoni wara li qalgħu barra lil Mosta Vikings 4-2 u Valletta St Pauls 6-3 wara l-għoti tal-penalties.

Senglea Gunners marru fil-vantaġġ minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima permezz ta’ Simphiwe Nomfulana li għeleb lill-gowlkiper Andrew Anthony Agius b’xutt li spiċċa fir-rokna tax-xibka.

Balzan ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda d-difiża tat-tim mill-Isla kienet ferm prominenti fuq l-attakkanti avversarji.

Fil-51 minuta reġa’ kien Simphiwe Nomfulana li reġa’ sab ix-xibka wara li rċieva through pass u wiċċ imb’wiċċ mal-gowlkiper b’xutt fil-baxx wettaq doppjetta personali.

Senglea Gunners issiġġillaw ir-rebħa tagħhom fit-63 minuta meta bid-difiża ta’ Balzan wieqfa kien il-Brażiljan Khalil da Rosa li avvanza waħdu u wiċċ imb’wiċċ quddiem Agius xeħet il-ballun fix-xibka għall-gowl li aċċerta l-kwalifikazzjoni għall-finali.

Referì ta’ din il-partita kien Darko Stankovic.

Anke Żurrieq Sunrise għamluha għall-finali ta’ din il-kompetizzjoni li ssir fiż-żminijiet sbieħ tal-Milied meta b’żewġ gowls lejn l-aħħar tal-partita huma għelbu lil Marsa St Michael bl-iskor ta’ 2-1.

Kienet logħba ferm akkanita u fiżika fejn iż-żewġ naħat ma ċedewx pulzier u biż-żewġ difiżi rispettivi jannullaw lill-attakkanti avversarji.

Din kienet it-tieni laqgħa bejn dawn iż-żewġ timijiet hekk kif ftit tal-ġimgħat ilu huma spiċċaw fi dro spettakolari ta’ 3-3 fil-kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni.

Marsa St Michael waslu sa din il-fażi wara li rebħu l-konfront tagħhom kontra Balluta Barracudas filwaqt li fl-ewwel rawnd kienu bye.

Min-naħa ta’ Żurrieq Sunrise, huma rebħu lil Naxxar Victorians 1-0 u lil Valletta Stars 5-3 wara l-għoti tal-penalties.

L-ewwel taqsima kienet waħda bilanċjata biż-żewġ naħat li bdew itellgħu diversi blalen interessanti. Minkejja kollox, l-ewwel taqsima għalqet fi dro ta’ 0-0.

Fit-tieni taqsima l-affarijiet ftit inbidlu u meta kollox kien jidher li l-partita kienet se tmur għall-ħin barrani, l-aħħar disa’ minuti kienu determinanti għar-riżultat finali.

Kien fis-60 minuta li Żurrieq ingħataw penalty wara li d-difensur Marsi Issaka Amadou waqqa’ lil Moher Halo fil-kaxxa.

Inkariga ruħu mill-penalty Matthew Salvatore li xeħet il-ballun naħa u l-gowkiper naħ’oħra sabiex poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ.

Marsa St Michael dehru maħsuda iżda b’mod iddisprat tefgħu kollox fuq l-attakk fit-tentattiv li jġibu l-iskor indaqs. Kien hawn li d-difiża tagħhom dehret esposta u s-Sunrise approfittaw meta f’kontrattakk veloċi kien Axel Fleri li rċieva tajjeb u b’xutt bid-dawra tefa’ wara Samuel Mifsud.

Il-Marsin baqgħu jattakkaw u naqqsu l-marġni tal-iskor fid-69 minuta permezz tas-sostitut Mohammed Telessi li xxuttja mill-viċin.

Minkejja l-erba’ minuti mogħtija żejda mir-referi, iż-Żrieraq żammew lill-plejers avversarji ‘l bogħod mill-kaxxa tagħhom sabiex kisbu post fil-finali.

Referì kien Thomas Debono.

Sadanittant sar magħruf li l-finali bejn Senglea Gunners u Żurrieq Sunrise se tintlagħab nhar is-Sibt li ġej fis-2.30pm fil-grawnd ta’ Santa Lucia.





Leave a comment