MAFA Christmas Cup: Valletta Stars jirbħu d-derby u t-tazza tal-Milied

Sunday, December 30, 2018, 7:13

RAPPORT: Robert Busuttil
Valletta Stars huma r-rebbieħa tal-MAFA Christmas Cup wara li għelbu lil Valletta St Pauls bl-iskor ta’ 2-0. Kienet wirja qalbiena mill-Istilel Beltin li għarfu jikkontrollaw il-logħba u meritatament ħarġu rebbieħa.
Minkejja li ma kinux favoriti, l-Istars pproduċew wirja mill-aqwa bid-duo Mamadou Jawo u Juan Scerri jkunu ferm prominenti fl-attakk.
Min-naħa tagħhom is-St Pauls kienu ferm nervużi u xejn ma kienu preċiżi quddiem il-lasti tal-gowlkiper avversarju u għajr il-lasta li laqtu ftit kienu ta’ periklu għad-difiża avversarja. Huma saħansitra fallew penalty biex b’hekk naqsu li jerġgħu jiftħu l-logħba.
Kien derby bejn żewġ timijiet mill-Belt Kapitali Maltija li qanqal ċertu interess matul din il-ġimgħa tant li kien hemm attendenza numeruża fil-grawnd ta’ Sta Lucia fejn saħansitra l-banda akkumpanjat din il-partita ferm akkanita.
Kien hemm ukoll il-preżenza tas-sur Bjorn Vassallo, id-direttur tal-assoċjazzjonijiet Ewropej fi ħdan il-FIFA kif ukoll tal-viċi-president tal-MFA Dr Matthew Paris li wkoll qassam it-trofew finali.
Il-kowċis ta’ Valletta St Pauls Malcolm Tirchett u Jonathan Francica ħejjew formazzjoni offensiva ta’ 4-3-1-2 bl-aktar wieħed avvanzat ikun l-aqwa skorer ta’ din it-tazza Denis di Maio.
Min-naħa tal-kowċ ta’ Valletta Stars Jason Pisani, hu ddeċieda għal metodu ta’ 5-4-1 b’Mamadou Jawo l-iktar wieħed avvanzat.
Kien fis-6 minuta li Valletta St Pauls ħolqu l-ewwel okkażjoni wara frikik ta’ Markovic, kien Di Maio li kellu x-xutt tiegħu mblokkat mid-difiża.
Jirrispondu Valletta Stars fl-10 minuta meta Jawo għadda lejn Scerri li tfixkel fil-ġid bil-ballun jispiċċa barra.
Fis-16-il minuta lob minn nofs il-grawnd ta’ Naffouri ġiegħel lill-keeper tas-St Pauls Camilleri jinxteħet minn tulu sabiex jixħet f’korner. Mill-korner li segwa Valletta Stars marru fil-vantaġġ. Kien korner dirett tal-plejer Taljan Mario Crupi li qabad lil Camilleri barra minn postu u b’xutt bid-dawra fetaħ l-iskor għat-tim tiegħu.
Reazzjoni immedjata ta’ Valletta St Pauls meta Dylan D’Agostino ra x-xutt tiegħu salvat b’mod komdu minn Omar Saimi.
Fis-26 minuta reġa’ kien Jianiro Camilleri li laqa’ tajjeb frikik ta’ Mario Crupi.
Lejn tmiem l-ewwel taqsima, Valletta St Pauls kienu żvinturati li ma ġabux l-iskor indaqs meta xutt ta’ Glenn Fenech ħabat mal-wieqfa.
Bl-ewwel taqsima tagħlaq b’Valletta Stars 1-0 minn fuq.
Fit-tieni taqsima, il-logħba kompliet tkun movimentata bl-Istilel Beltin li bdew joħolqu azzjonijiet ta’ kontrattakk, bit-tim tas-St Pauls li ma kinux daqshekk preċiżi quddiem il-lasti.
L-Istars kellhom daqqa ta’ ras ta’ Jawo tispiċċa barra filwaqt li fuq in-naħa l-oħra daqqa’ ta’ ras ta’ Kane Psaila għaddiet barra.
Fid-49 minuta, xutt ta’ Anthony Bonello għal Valletta St Pauls spiċċa ftit barra.
Valletta St Pauls spiċċaw b’raġel anqas fil-51 minuta meta Stacy Vella ngħata karta ħamra diretta mir-referi tal-partita.
Konxji li kienu b’raġel iktar fil-grawnd, l-Istilel Beltin bdew joħorġu dejjem aktar u ma kinitx sorpriża li rduppjaw l-iskor meta kien hemm ħarba tajba ta’ Sainey Sillah li baqa’ javvanza, daħal fil-kaxxa u b’xutt b’saħħtu għeleb għat-tieni darba lil Jianiro Camilleri.
Mas-siegħa logħob frikik ta’ Di Maio mar ferm għoli mil-lasti ta’ Valletta Stars.
Lejn l-aħħar Valletta St Pauls kellhom iċ-ċans li jnaqqsu l-marġni tal-iskor meta difensur avversarju waqqa’ lil Di Maio fil-kaxxa sabiex mill-ħdax-il metru kien Uros Markovic li ra x-xutt fir-rokna tiegħu milqugħ ferm tajjeb mill-gowlkiper żagħżugħ Omar Saimi.
Din kienet tfisser li ma kellhiex tkun ġurnata għas-St Pauls li minkejja l-pressjoni finali ma rnexxielhomx jinkwetaw lid-difiża avversarja sabiex kellhom joħorġu b’idejhom vojta.
Min-naħa tal-Istilel Beltin dan kien suċċess meritat li wasal bl-ispirtu kollettiv tat-tim fejn minkejja d-differenza tad-diviżjoni kienu kapaċi joħorġu rebbieħa.
Wara t-tisfira tar-referi setgħu jibdew iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Valletta Stars li laħqu l-qofol tagħhom proprju mal-preżentazzjoni tat-tazza mill-viċi-president tal-MFA Dr Matthew Paris u l-president tal-MAFA is-sur Twanny Agius lill-captain Charlton Scicluna.
Skor finali: Valletta St Pauls 0 Valletta Stars 2
Referi tal-partita kien Max Lee Muscat.





Leave a comment