MAFA Christmas Cup: Qormi jaħsdu lil Santa Lucia;Faċli għal Valletta St Pauls

Tuesday, December 20, 2016, 14:08

Gavin Muscat

Valletta St Pauls u Qormi Hotspurs huma ż-żewġ finalisti tal-MAFA Christmas Cup li ssir waqt il-festi tal-Milied meta għelbu lill-avversarji rispettivi tagħhom Senglea Gunners u Santa Lucia Falcons.

Qormi Hotspurs ħolqu l-ikbar sorpriża s’issa f’dan l-istaġun meta għelbu lil Santa Lucia Falcons bl-iskor ta’ 3-0 f’logħba ferm interessanti.

Il-Qriema ħasdu lill-Falcons b’logħob veloċi u ħolqu diversi ċansijiet ta’ skor lejn il-lasti avversarji.

Minkejja li l-ewwel taqsima ma rajniex goals, ir-ritmu kien għoli ħafna f’logħba denja ta’ semifinali.

Kif bdiet it-tieni taqsima, Qormi marru fil-vantaġġ permezz ta’ Yosef Bonnici, bl-istess player jirdoppja l-iskor ftit tal-minuti wara.

Santa Lucia Falcons dehru maħsuda u ma kinitx sorpriża li f’azzjoni oħra ferm veloċi sofrew it-tielet goal skorjat minn Kyle Sultana.

Il-Falcons ittantaw iwettqu reazzjoni pero’ sabu lid-difiża Qormija f’forma mill-aqwa li amministrat il-partita sal-aħħar sabiex ħarġu b’rebħa minn dan il-konfront.

————————————————————————————————————————————————————-

Fit-tieni semifinali, Valletta St Pauls ixxalaw u ddominaw lil Senglea Gunners hekk kif għelbuhom bl-iskor ta’ 6-0.

Il-Beltin ħarġu mal-ewwel fuq l-attakk u kellu jkun il-goalkeeper tal-Gunners li salva lit-team tiegħu f’diversi okkażjonijiet.

Madankollu l-istess goalkeeper ma seta’ jagħmel xejn fis-27 minuta hekk kif Valletta marru minn fuq b’goal ta’ Samwel Osaile.

Minn hemm ‘l hemm, St Pauls ma ħarsux lura u minnufih bejn il-31 u t-33 minuta, skorjaw żewġ goals oħra permezz ta’ Denis Di Maio.

Wara li l-ewwel taqsima ntemmet bil-Beltin 3-0 minn fuq, il-pjan tal-logħba baqa’ l-istess b’dawn tal-aħħar jamministraw il-partita, bis-Sengleani li  ma setgħux isibu rkaptu tas-sitwazzjoni.

U hawn daħal fix-xena l-player Belti Axel Fleri illi fi spazju ta’ żewġ minuti bejn il-51 minuta u t-53 minuta għaqqad doppjetta personali sabiex għamilhom 5-0 għat-team tiegħu.

Madankollu x-xita ta’ goals ma waqfitx hawn hekk kif Malcolm Marmara ssiġġilla r-rebħa fid-59 minuta b’goal ferm tajjeb.

B’hekk Valletta St Pauls u Qormi Hotspurs ser jikkontestaw din il-finali illi ser issir nhar is-Sibt illi ġej fil-ground ta’ Santa Lucia bil-logħba tintlagħab fit-tlieta u nofs ta’ wara nofsinhar.

Qormi Hotspurs





Leave a comment