Luxol u Pavi Depiro jibdew bir-rebħ

Monday, April 8, 2013, 19:49

KAMPJONAT ST. JAMES HOSPITAL NISA PLAYOFFS

minn Colin Schembri

Luxol 54

Hibs 41

(17-8)(7-16)(9-6)(20-13)

 

Ic-champions Luxol għamlu l-ewwel pass biex jiddefendu t-titlu ta’ champions li rebħu f’dawn l-aħħar żewġ staġuni. Fl-ewwel semi-finali tal-playoffs huma għelbu lil Hibs 53-43. Hibs kellhom prestazzjoni posittiva wara l-aħħar ħarġiet tagħhom speċjalment kontra l-istess avversarji. Luxol ħadu l-ewwel vantaġġ wara punti minn Sarah Pace u Mollie Williams u marru 6-2 wara erba’ minuti logħob. Hibs kellhom il-baskets minn Lucienne Bezzina u Elena Cassar però Luxol żiedu l-vantaġġ wara trippla u basket ta’ Williams u basket ieħor minn Greta Zarb. Maria Desira għamlet l-aħħar basket għal Hibs bil-Luxol jagħlqu s-sessjoni b’żewġ baskets oħra minn Mandi Sciortino u Williams għal skor ta’ 17-8. Wara li Sciortino kabbret il-vantaġġ ta’ Luxol fil-ftuħ tat-tieni perjodu, Hibs kellhom run ta’ 12-2 b’diversi punti minn Khadi Soune Sagna flimkien ma’ Cassar u Bezzina biex naqqsu d-distakk għal punt 20-21. Wara li Pace u Williams għamlu l-punti ta’ Luxol, kien hemm ir-risposta minn Sagna għal Hibs biex fl-intervall kien hemm parita 24-24.

Wara l-intervall kienet Diana Muscat li reġgħat tat il-vantaġġ lil Luxol però l-punti bdew ġejjin bil-mod u kien fil-ħames minuta li Hibs marru minn fuq wara basket ta’ Emma Micallef 28-27. Luxol kellhom reazzjoni mmedjata wara baskets minn Paula Ellul u Williams u minkejja li Cassar wieġbet għal Hibs, kienu Luxol li temmew il-perjodu minn fuq wara basket ieħor minn Ellul 33-30. Fl-ewwel ħinijiet tal-aħħar sessjoni, l-partita baqgħet bilanċjata biż-żewġ timijiet jibqgħu viċin xulxin. Williams u Sciortino kellhom il-punti ta’ Luxol però Hibs wieġbu bil-punti minn Cassar u Micallef biex fil-ħames minuta kienu għadhom punt biss taħt l-avversarji 35-39. Id-distakk bejn iż-żewġ timijiet kien għadu ta’ 3 punti fl-aħħar minuta u nofs 46-43 favur Luxol li mbagħad kienu huma biss għamlu l-punti. Huma għamlu sitt punti mingħajr risposta sabiex rebħu l-partita 53-43.

 

Luxol: S. Pace 9, M. Sciortino 8, C. Medina, B. Naudi 1, J. B. Gaerty, G. Zarb 7, P. Ellul 6, M. Williams 19, D. Muscat 3, M. Darmanin, K. Portelli.

Hibs: J. Scerri, E. Cassar 6, R. Scerri, L. Bezzina 8, F. Mifsud, M. Desira 7, L. Micallef, A. Borg, N. Mifsud, E. Micallef 4, J. Borg Cardona 2, K. Soune Sagna 16

Referees: Emanuel Mangani, Clive Terribile, Luke Camilleri

 

Pavi Depiro 86

Alyssa Ashley Loyola 52

(26-17)(20-11)(21-13)(19-11)

 

Pavi Depiro taw sinjal ta’ forza fl-ewwel semifinali tagħhom fil-playoffs meta għelbu faċilment lil Alyssa Ashley Loyola 86-52. Depiro kienu dominanti għal ħin twil bil-player Amerikana Latisha Belcher tkun superjuri taħt il-board u meta kienet f’diffikulta kien hemm Steffi De Martino li kellha wirja mill-aqwa. Wara bidu bilanċjat fejn Depiro kellhom vantaġġ ta’ punt 6-5, huma bdew iżidu l-logħob tagħhom. Huma kellhom trippla minn Samantha Brincat u punti minn Belcher u għalkemm kien hemm ir-risposta ta’ Loyola bi trippla ta’ Jean Doughty Depiro kienu 8 minn fuq 18-10 fit-tmien minuta. Hawn Loyola wieġbu permezz ta’ Brietta Thomas però Depiro temmew is-sessjoni 9 minn fuq 26-16 wara basket minn Andrea Mifsud. Fil-ftuħ tat-tieni perjodu kien hemm run ta’ 8-0 minn Depiro  biex fetħu vantaġġ doppju 34-17. Baskets fuq kull naħa ħallew l-istess distakk bejn iż-żewġ timijiet hekk kif Belcher kompliet bil-punti tagħha. Fl-aħħar minuta, De Martino kellha żewġ baskets għal skor ta’ 46-28.

Wara l-intervall, Loyola bdew b’żewġ punti minn Kristie Tonna però Depiro għamlu run oħra ta’ 10-0 bil-baskets ta’ De Martino, Belcher u Francesca Biancho. Wara time-out, Loyola tjiebu xi ftit u kellhom trippla minn Thomas u baskets ta’ Tonna però Depiro reġgħu żiedu l-vantaġġ tagħhom wara baskets minn Gaby u Martina Mifsud u fi tmiem il-perjodu kienu 67-41 minn fuq. Fl-aġġar sessoni Depiro bdew bi trippla oħra minn De Martino bil-Loyola jwieġbu bil-punti ta’ Denise Said Hollier u Emma Moore. Hawn Depiro kellhom run oħra ta’ 7-0 bi trippla ta’ Samantha Brincat u baskets minn Maria Bonett u Mifsud. Il-partita kienet deċiża u ntemmet bil-punit ta’ Justine Mangion u Abigail Sciberras għal Loyola u Martina Scicluna għal Depiro għal skor finali ta’ 86-52.

 

Depiro: A. Mifsud 4, G. Mifsud 5, F. Biancho 6, S. Brincat 8, M. Bonnett 4, S. De Martino 30, M. Mifsud 2, M. Scicluna 2, L. Belcher 25, S. Micallef, B. Zammit.

Alyssa Ashley Loyola: E. Moore 4, L. Pace, J. Doughty 3, M. Gatt, D.Said Hollier 3, K. Tonna 10, A. Bonanno 2, J. Mangion 5, A, Sciberras 3, B. Thomas 22, P. Montanaro,, F. Camilleri

Referees: Emanuel Mangani, Clive Terribile, Alfred Carbonaro





Leave a comment