Luxol u Hibs Medsea għall-aħħar unur

Monday, June 6, 2011, 22:32

minn Colin Schembri

Hibs vs Loyola

Hibs vs Loyola

DETUR CUP NISA

McDonalds Depiro 44

Luxol 69

(19-24)(9-19)(12-10)(4-16)

Ic-champions il-ġodda Luxol komplew bis-sensiela ta’ rebħ fejn fis-semifinali tal-aħħar kompetizzjoni tal-istaġun għelbu lil McDonalds Depiro 69-44. Luxol kienu mingħajr Emma Moore u Beverlee Zammit pero’ xorta kienu tajbin biżżejjed biex jegħlbu l-isfida ta’ Depiro li kien ilhom weqfin mic-championship pool. Il-bidu tal-partita tal-partita kien bilanċjata tant li wara seba’ minuti kien hemm parita 14-14. Luxol marru fuq quddiem bi trippli minn Mandi Sciortino u Steffi De Martino u minkejja trippla ta’ Sarah Pace, Luxol kienu 24-19 minn fuq fi tmiem is-sessjoni. Fit-tieni perjodu, Depiro naqqsu d-distakk wara trippla oħra ta’ Pace pero fil-ħames minuta Luxol bdew run ta’ 13-2 biex fil-mistrieħ kellhom vantaġġ ta’ 15-il punt 43-28.

Ir-reazzjoni ta’ Depiro ma waslitx fil-ftuħ tat-tielet sessjoni u Luxol approfittaw b’run oħra ta’ 8-2 u fis-seba’ minuta kienu 53-32 minn fuq. Hawn Depiro wieġbu bi 8 punti konsekuttivi u naqqsu l-iżvantaġġ għal 13-il punt 40-53. Pero’ l-aħħar sessjoni kienet totalment f’idejn ic-champions li għamlu sittax il-punt qabel ma Depiro għalqu l-partita u l-istaġun tagħhom b’baskets ta’ Edwina Vella u Svetlana Micallef għal skor finali ta’ Depiro 44 Luxol 69.

 

McDonalds Depiro: S. Pace 13, G. Zarb 6, J. Xuereb, A. Mifsud, M. Bonett, F. Biancho 7, J. Busuttil Gaerty 2, A. Borg 4, C. Sammut 2, E. Vella 2, S. Micallef 8.

Luxol: M. Sciortino 13, L. Serge 2, B. Naudi 6, S. De Martino 30, P. Ellul 10, D. Muscat 8.

Referees: Gordon Barbara, Alfred Carbonaro.

Hibs Medsea 72
Alyssa Ashley Loyola 67
(20-13)(14-12)(12-17)(16-20)(10-5)

Hibs Medsea kellhom bżonn tal-ħin barrani biex għelbu lil Alyssa Ashley Loyola 72-67 u avvanzaw għal finali oħra kontra Luxol din id-darba għad-Detur Cup. Hibs kienu b’diversi players neqsin u Loyola kienu msaħħa bir-ritorn ta’ Christina Grima. Fl-ewwel minuti ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin bil-Loyola jieħdu vantaġġ ta’ basket 9-7. Hibs wieġbu b’run ta’ 13-4 u marru 7 minn fuq fit-tmiem is-sessjoni 20-13. Wara li basket t’Alexis Darmanin fetaħ it-tieni sessjoni, Loyola għamlu run ta’ 8-0 biex waslu sa punt il-bogħod 21-22. Pero’ Hibs reġgħu rrispondew 12-2 u fl-intervall kienu 34-25 minn fuq.

Fit-tielet sessjoni Hibs żiedu l-vantaġġ wara trippla minn Lucienne Bezzina u fil-ħames minuta kellhom distakk ta’ 14-il punt 43-29. Loyola ma ċedewx u minuta wara bdew run ta’ 12-3 li rathom inaqqsu d-distakk għal 4 punti 42-46. Fil-bidu tal-aħħar sessjoni, huma saħansitra marru basket minn fuq wara sitt punti mingħajr risposta. Hibs wieġbu b’run ta 8-0 u reġgħi ħadu vantaġġ ta’ 5 punti 57-52. Issa l-partita sbieħet u l-vantaġġ beda jibdel l-idejn kontinwament u fl-aħħar sekondi kellhom ikunu żewġ freethrows ta’ Emma Micallef li ppareġjaw għal Hibs 62-62 biex il-partita marret fil-ħin barrani. Hawn Loyola reġgħu ħadu vantaġġ ta’ punt fir-raba’ minuta 67-66 pero punti minn Doreen Micallef u Joselle Cardona taw vantaġġ definittiv lil Hibs li rebħu l-partita 72-67.

Hibs Medsea: E. Micallef 3, M. Zammit, L. Bezzina 10 , D. Micallef 15, A. Darmanin 14, N. Arrigo 2, J. Cardona 28.

Alyssa Ashley Loyola: J. Doughty 4, C. Grima 17, E. Falzon, D. Said Hollier 7, R. Spiteri 2, A. Bonanno 10,P. Montanaro, F. Camilleri 4, S.J. Barbara 21, K. Gouder 6.

Referees: Emanuel Mangani, Gordon Barbara.





Leave a comment