- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Luxol u Depiro jibqgħu mingħajr telfa

Posted By sportinmalta1 On December 24, 2017 @ 3:46 pm In Basketball,Featured | No Comments

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni

minn Colin Schembri

Luxol 74

Starlites GIG 67

(19-19)(16-10)(18-17)(21-21)

Starlites offrew sfida qawwija lil Luxol però kienu Luxol li ħadu t-tielet rebħa tagħhom fil-kampjonat biex baqgħu bla telfa wara tlett partiti. Luxol kellhom lura lil CJ Cordina u Pablo Cefai għal din il-partita u bħas-soltu bbażżaw il-logħob tagħhom fuq il-koppja Vukassin Jandric u Keith Dimech li bejniethom għamlu 54 punt mis-74 finali. Starlites kellhom lil Ryan Carabott f’burdata mill-aqwa u spiċċa l-partita bi 28 punt. Kienu Luxol li kellhom l-aħjar bidu u bdew il-partita b’seba’ punti mingħajr risposta minn Jadric, Dimech u Ben Caruana Montaldo. Starlites bdew jirrispondu u kellhom punti minn Mirco Azzopardi, Carabott u Owen Psaila f’run ta’ 11-3 li rathom imorru fuq quddiem. Luxol wieġbu b’żewġ three pointers minn Jandric biex l-ewwel taqsima ntemmet f’parita 19-19. Luxol reġgħu ħadu l-vantaġġ fil-ftuħ tat-tieni perjodu b’baskets ta’ Jandric u Dimech. Starlites marru erbgħa minn fuq 29-25 wara sitt punti mingħajr risposta però kienu Luxol li temmew is-sessjoni bl-aħjar mod meta għamlu break ta’ 10-0, maqsum bejn tlett players, biex daħlu jistriehu 35-29 minn fuq.

Wara l-intervall Luxol saħħew il-vantaġġ tagħhom u marru 10 minn fuq 43-33 wara punti ta’ Clayton Calleja u Dimech. Starlites dehru se jnaqqsu mir-ritmu hekk kif il-vantaġġ ta’ Luxol kompla jikber però qabel intemmet is-sessjoni kellhom run ta’ 11-4 bil-punti minn Carabott, Ian Felice Pace u Anthony Schembri biex Luxol temmewha fuq quddiem 53-46. Fl-aħħar perjodu l-logħob kompla jkun maqsum bejn iż-żewġ naħat. Luxol bdew billi żiedu l-vantaġġ però Starlites kellhom seba’ punti minn Carabott fosthom trippla biex baqgħu viċin. Reġgħu kienu Luxol li ghamlu run ta’ 9-0 bi trippla ta’ Jandric u marru 15 minn fuq 68-53. L-aħħar sforz ta’ Starlites issarraf fi break ta’ 10-0 biex naqqsu d-distakk għal ħames punti 67-72 però ma kienx  għad fadal ħin u Luxol għamlu l-aħħar 3 punti minn Jandric biex rebħu l-partita 74-67.

 

Luxol: L. Djoric, L. Caruana Montaldo, V. Jandric 32, K. Camilleri, B. Caruana Montaldo 8, P. Cefai, K. Dimech 22, C. Calleja 4, M. Sjoberg 6, R. Falzon, CJ Cordina 2 .

Starlites: O. Psaila 6, M. Azzopardi 6, I. Felice Pace 1, M. Scerri 4, R. Carabott 28, J. Attard 8, I. Pace, M. Vella 2, J. Wait 2, A. Xuereb 2, A. Schembri 8.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Miklos Rajzki.

Hibernians 74

Depiro 81

(20-20)(20-32)(16-14)(18-15)

Depiro kkonfermaw il-mument posittiv li għaddejin minnhu hekk kif kisbu t-tielet rebħa tal-kampjonat biex inagħqdu ma’ Luxol fl-ewwel post bla telfa minn tlett partiti. Huma għelbu lil Hibs 81-74 f’partita mill-isbaħ biex b’hekk taw l-ewwel diżappunt tal-kampjonat lil Pawlisti. Iż-żewġ barranin fuq iż-żewġ naħat kellhom wirja mill-aqwa bl-Amerikan ta’ Depiro Jack Nygaard jispiċċa b’37 punt u Luca Tardito ta’ Hibs ikollhu 28 punt u 20 rebound. Hibs kellhom ukoll lil Luke Farrugia jispiċċa b’erba’ three pointers u total ta’ 18 –il punt. Il-bidu tal-partita kien bilanċjat biż-żewġ timijiet jirrispondu lil xulxin u l-vantaġġ jinbidel kontinwament. Hibs fetħu vantaġġ ta’ 4 punti għal darbtejn però Depiro ġew lura bil-punti ta’ Nicholas Grech u Nygaard u l-ewwel taqsima ntemmet fuq parita 20-20. Fit-tieni perjodu ż-żewġ timijiet fetħu bi three pointers qabel ma punti ta’ Isaac Bonett taw vantaġġ t’erba’ punti lil Hibs 27-23. Hawn Depiro kellhom mument mill-aqwa b’run ta’ 13-0 b’Nygaard dominanti flimkien ma’ Kurt Xuereb. Hibs waqqfuhom bil-punti ta’ Kurt Sultana, Farrugia u Tardito però qabel intemmet it-taqsima Nygaard għamel 8 punti mingħajr risposta fosthom żewġ three pointers biex Depiro daħlu jistrieħu 12 minn fuq 52-40.

Fit-tielet sessjoni Hibs naqqsu d-distakk b’żewġ trippli ta’ Farrugia. Wara li Depiro wieġbu permezz ta’ Xuereb u Matthew Borg, Hibs kellhom run oħra ta’ 8-2 biex waslu sa’ hames punti ‘l bogħod 56-61. Hawn reġa kien Nygaard li kiseb ħames punti oħra għal Depiro biex temmew il-perjodu 66-56 minn fuq. Fl-aħħar sessjoni l-punti ġew fuq kull naħa biex Depiro baqgħu 12 minn fuq 79-67. Hibs għamlu break qasir ta’ 7-0 biex waslu sa 5 punti ‘l bogħod 74-79 però ma kienux biżżejjed għax Depiro rebħu l-partita 81-74.

Hibs: J. Debono, M. Formosa, K. Sultana 12, L. Farrugia 16, I. Bonett 10, E. Xuereb 2, M. Houmpton, M. Laferla, L. Tardito 28.

 

Depiro: J. Vibe 4, E. Briffa, M. Debattista, A. Attard, N. Grech 15, J. Camilleri 4, M. Zloh 2, K. Xuereb 11, M. Borg 8, J. Nygaard 37, M. Brincat, M. Mallia

Referees: Nicky Azzopardi, Stephen Micallef.

Siġġiewi 83

Marvels Power Plus 64

(27-15)(16-14)(19-12)(21-23)

Iż-żewġ timijiet kellhom diversi players neqsin għal din il-partita, l-aħħar waħda tagħhom għas-sena 2017. Siġġiewi ħadu l-ewwel rebħa 83-64 u bdew il-logħba b’technical foul favurijhom hekk kif il-players ta’ Marvels waslu tard. Marvels kellhom id-debutt tas-Serb Marco Majic u l-konazzjonal tiegħhu fuq in-naħa ta’ Siġġiewi spiċċa l-partita b’29 punt. Siġġiewi ħadu l-ewwel vantaġġ bil-punti ta’ Alex Novakovic li kellhu wkoll trippla u fetħu vantaġġ doppju12-6. Marvels wieġbu bi trippla ta’ Majic però Siġġiewi komplew bi break ta’ 11-0 b’aktar punti ta’ Novakovic u Hubert Agius. Marvels għalqu s-sessjoni b’żewġ trippli ta’ Glenn Borg però Siġġiewi kienu għadhom fuq quddiem 27-15. Fil-ftuħ tat-tieni perjodu ż-żewġ timijiet irrispondew lil xulxin qabel ma Siġġiewi kellhom sensiela ta’ three pointers minn Roberto Alosco u Novakovic li rawhom iżidu l-vantaġġ sal-halftime 43-29.

Marvels fetħu aħjar fit-tielet perjodu b’ħames punti konseluttivi bi trippla ta’ Darren Debattista. Hawn Siġġiewi kellhom run ta’ 13-3 bil-punti ta’ Agius u Novakovic. Marvels kellhom risposta bi trippla oħra ta’ Debattista u l-punti ta’ Majic għal skor ta’ 62-41. Fl-aħħar taqsima, Siġġiewi bdew b’run oħra ta’ 9-2 bi trippla ta’ Novakovic. Siġġiewi kabbru l-vantaġġ għal 27 punt 77-50 però Marvels wettqu reazzjoni u bil-punti konsekuttivi ta’ Christian Briffa naqqsu d-distakk biex għamlu l-iskor aktar rispettabli hekk kif Siġġiewi ħarġu rebbieħa 83-64.

Siġġiewi: L. Grech 8, A. Baldacchino 2, H. Agius 21, R. Alosco 17, A. Novakovic 29, C. Bezzina 4, O. Shamala 2.

Marvels Power Plus: G. Borg 121, M. Majic 14, R. Curmi 14, D. Debattista 8, D. Verebies 2, C. Briffa 13, D. Borg 2.

Referees: Emanuel Mangani, Zvezdan Dobrosaviljevic.

Victoria Libertas 37

Gżira Athleta 64

(8-16)(4-21)(12-14)(13-13)

Gżira Athleta ħadu l-ewwel rebħa tagħhom fil-kampjonat hekk kif lagħbu t-tieni partita u għelbu lil Victoria Libertas 64-37. Il-partita kienet f’idejn l-Athleta sa mill-bidu fejn wara li Libertas fetħu bi trippla ta’ David Agius, il-players ta’ Peter Farrugia ħadu kontroll tal-partita. Fil-fatt huma bdew bi break ta’ 16-2 li għalquh bi trippla ta’ Stefan Vincic u għalqu l-ewwel sessjoni 16-8 minn fuq. Fit-tieni perjodu Athleta komplew iżidu l-vantaġġ b’aktar punti ta’ Vincic. Libertas kisbu biss 4 punti f’din is-sessjoni minn Bernard Soler u Nicolo Petrucci. Hawn Athleta komplew bi break ta’ 14-0 b’punti minn Jonathan Ransley, Miguel Gauchi Montaldo u żewġ trippli ta’ Vincic biex daħlu jistrieħu 37-12 minn fuq.

Fit-tielet perjidu l-andament tal-partita kompla jkun l-istess b’ Athleta jibdew b’run oħra ta’ 11-2 bi trippla ta’ Luca Stefanovic. Lejn tmiem it-taqsima, Libertas kellhom 8 punti mingħajr risposta pero Athleta kien għad kellhom vantaġġ b’saħħtu 51-24. L-aħħar sessjoni ftit offriet emozzjonijiet għajr it-tkeċċija ta’ Daniele Miani għal foul ikrah fuq James Caruana. Iż-żewġ timijiet irrispondew lil xulxin sat-tmiem biex Athleta ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 64-37.

 

Victoria Libertas: D. Agius 8, M. Farrugia, K. Galea, N. Petrucci 11, S. Mizzi 4, D. Miani 2, E. Lupo 8, M. Agius 2, B. Soler 2.

Gżira Athleta: J. Caruana 1, F. Mifsud Bonnici 5, B. Bartolo 5, L. Stefanovic 11, M. Gauchi Montaldo 8, N. Xuereb 14, K. Schembri, S. Vincic 17, J. Ransley 3, M. Cilia.

Referees: Zvezdan Dobrosaviljevic, Nicky Azzopardi.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/luxol-u-depiro-jibqghu-minghajr-telfa/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.