Luxol u Alyssa Ashley Loyola fil-finali

Tuesday, April 24, 2012, 23:01

minn Colin Schembri

KAMPJONAT MSV LIFE NISA – Playoffs Semifinali

 

 Luxol 50

Hibs Melita Gardens 49

(10-10)(14-14)(13-10)(13-15)

 

Depiro vs Loyola

Depiro vs Loyola

Ic-champions Luxol kisbu d-dritt li jiddefendu t-titlu fil-finali meta fit-tielet partita għelbu lil Hibs Melita Gardens 50-49. Kienet partita eċitanti u missielta f’kull sekonda tagħha u Hibs kellhom ċans jerbħuha meta kellhom l-aħħar pusess tal-ballun pero’ l-pass ta’ Lena Gipson kien interċettat. Għal darb’oħra Hibs kienu mingħajr Lucienne Bezzina u Alexis Cutajar. Hibs ħadu l-ewwel vantaġġ 5-2 wara erba’ minuti pero’ Luxol wieġbu bi break ta’ 8-0 fosthom żewġ baskets ta’ Robin Murphy. Fl-aħħar żewġ minuti Hibs għamlu 5 punti permezz ta’ Gipson fl-aħħar attakk għal partita ta’ 10-10 fi tmiem is-sessjoni. Hibs kellhom mument posittiv fil-ftuħ tat-tieni perjodu meta punti minn Maria Desira u Gipson tawhom vantaġġ ta’ 8 punti 20-12. Luxol reġgħu waslu punt ‘l bogħod wara baskets minn Mandi Sciortino u Sarah Pace. Minkejja li Hibs żammew il-vantaġġ permezz ta’ Joselle Cardona, Pace għamlet trippla eżatt mal-horn biex fl-intervall it-timijiet baqgħu ndaqs 24-24.

Fit-tielet sessjoni Luxol kienu Luxol li bdew l-aħjar meta għamlu break ta’ 8-2 pero’ freethrows ta’ Kirsten Baldacchinou Elena Cassar naqqsu d-distakk għall-Pawlisti. Murphy u Pace wieġbu għal Luxol li spiċċaw is-sessjoni 37-34 minn fuq. Fl-aħħar perjodu Murphy u Diana Muscat kabbru l-vantaġġ ta’ Luxol 43-36. Hibs ma ċedewx u għamlu run oħra ta’ 7-0 biex fit-tmien minuta ppareġjaw 43-43. Beverlee Zammit għamlet trippla għal Luxol flimkien ma’ basket minn Murphy. Baldacchino u Cardona wieġbu għal Hibs li fl-aħħar 13 –il sekonda kienu punt minn taħt 49-50. Hawn Gipson kellha l-ballun f’idejha pero’ l-pass tagħha kien żbaljat biex Luxol rebħu l-partita 50-49 u waslu sal-finali fost il-ferħ tal-players u l-partitarji.

 

Luxol: S. Pace 7, M. Sciortino 9, C. Medina, B. Naudi, J. Busuttil Gaerty, G. Zarb 4, P.Ellul, R. Murphy 21, D. Muscat 4, A. Paul, B. Zammit 3.

Hibs Melita Gardens: J. Scerri, E. Cassar 6, M. Zammit, F. Mifsud, M. Desira 9, K. Gatt, N. Arrigo, K. Baldacchino 6, J. Cardona 15, L. Gipson 13.

Referees: Alfred Carbonaro, Steve Gouder, Emanuel Mangani.

 

McDonalds Depiro 49

Alyssa Ashley Loyola 66

(6-16)(18-18)(12-18)(13-14)

 

 

Alyssa Ashley Loyola rnexxielhom jaslu sal-ewwel finali tal-kampjonat fl-istorja tagħhom meta fit-tieni semifinali għelbu lil McDonalds Depiro 66-49. Depiro bdew is-serje tajjeb ħafna b’rebħa ta’ 69-50 pero’ sfaxxaw fiż-żewġ sessjonijiet ta’ wara. Loyola rkupraw lil Christina Grima wara l-injury li kellha fit-tieni partita u hi flimkien ma’ Desarae Johnson għamlu 47 punt mis-66 ta’ Loyola. Loyola bdew mal-ewwel b’run ta’ 12-0 fl-ewwel ħames minuti b’diversi punti minn Grima. Samantha Brincat għamlet l-ewwel basket ta’ Depiro pero’ s-sessjoni ntemmet bil-Loyola 10 minn fuq 16-6. Depiro bdew aħjar fit-tieni sessjoni u b’basket ta’ Steffi De Martino u trippla ta’ Brincat naqqsu d-distakk għal 5 punti. Loyola rkupraw u għamlu run ta’ 10-1 fejn il-punti waslu kollha minn Johnson u Grima. De Martino wieġbet għal Depiro bi trippla u freethrows pero’ d-distakk sa’ l-intervall ma nbidilx biex Loyola daħlu jistrieħu 10 minn fuq 34-24.

Wara l-mistrieħ, ir-reazzjoni ta’ Depiro ma waslitx u fl-ewwel ħames minuti Loyola għamlu 8 punti mingħajr risposta. Antoinette Borg għamlet trippla għal Depiro li pero’ baqgħu jsibu diffikulta speċjalment fid-difiża hekk kif għal Loyola waslu punti mportanti minn Sammy Jo Barbara. Depiro għamlu break ta’ 7-0 qabel tmiem il-perjodu għal skor ta’ 36-52. Sar-raba’ minuta tal-aħħar sessjoni d-distakk niżel għal 13 –il punt 40-53 favur Loyola. Wara erba’ punti fuq kull naħa, Loyola għamlu break ieħor ta’ 9-2 biex issiġillaw ir-rebħa u fost il-ferħ tal-players u d-diriġenti huma ħarġu rebbieħa 66-49. L-ewwel finali tintlagħab l-Erbgħa 25 ta’ April fit-8.00 ta’ fil-għaxija.

 

McDonalds Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud, M. Mifsud, S. Brincat 11, V. Woods 7, F. Biancho 10, T. De Martino, A. Borg 9, C. Sammut, E. Vella, S. Micallef, S. De Martino 12.

Alyssa Ashley Loyola  : E. Moore 4, C. Grima 27, J. Doughty, D. Hollier, K. Tonna 5, A. Bonanno 2, J. Mangion, A. Sciberras, S.J. Barbara 8, D. Johnson 20.

Referees: Gordon Barbara, Clive Terribile, Alfred Carbonaro.

 





Leave a comment