Luxol jitilfu fl-aħħar ħinijiet

Friday, October 13, 2017, 9:56

Fit-tieni logħba minn Grupp 8 tar-rawnd prinċipali tal-UEFA Futsal Cup, minkejja l-wirja kbira ta’ Luxol, huma sfaw megħluba minn Araz Naxcivan tal-Ażerbajġan bl-iskor ta’ 6-4.

Bidu ferm bilanċjat, bit-tim minn St Andrews li kiseb vantaġġ doppju lejn nofs l-ewwel taqsima, permezz ta’ Hrvoje Penava u Panu Autio. Sitt sekondi mit-tmiem, il-Brażiljan ta’ Araz, Maicon Da Silva Gaiewski naqqas id-distakk għal 2-1.

Fil-bidu tat-tieni taqsima kien hemm diversi azzjonijiet interessanti fuq kull naħa, sakemm fit-tielet minuta reġa’ kien Da Silva Gaiewski li ġab id-dro. Wara biss żewġ minuti, il-Brażiljan ta’ Luxol Rogerio dos Santos Filho reġa’ poġġa lit-tim tiegħu fil-vantaġġ. Emil Raducu u Hrvoje Penava kienu ferm viċin li jiskurjaw, iżda Da Silva Gaiewski wara li mpenja lill-gowlkiper Kenneth Rakvaag reġa’ sab ix-xibka għat-tielet darba. Wara tnax-il minuta milgħuba tat-tieni taqsima, Gabriel Nascimento Bastos wettaq fawl fuq Autio. Mill-frikik li ġie mogħti minn Celino Alves, Penava reġa’ poġġa lil Luxol fil-vantaġġ. Sitt minuti mit-tmiem Da Silva Gaiewski ta lejn Rafael Carvalho Vilela Dos Santos u dan reġa’ ġab l-iskor indaqs.

L-aħħar minuti kienu ferm eċċitanti, biż-żewġ timijiet li kontinwament bdew jibdlu bil-flying keeper. Fl-aħħar minuti Carvalho Vilela Dos Santos laqat il-lasta għal Araz u Penava kien ferm viċin li jpoggi lil Luxol fil-vantaġġ. Fl-iktar ħin mhux mistenni, żewġ minuti mit-tmiem, Da Silva Gaeiwski skurja r-raba’ gowl personali. Minuta wara Bolinha kompla jkabbar il-vantaġġ għal Araz għal skor finali ta’ 6-4.





Leave a comment