Luxol jissorprendu lil Starlites u jaslu fil-finali kontra Hibs

Monday, March 2, 2020, 21:07

Bank of Valletta Knock-out Irġiel

minn Colin Schembri

Hibernians 118

Depiro 70

(19-16)(33-14)(38-19)(28-21)

Hibs saru l-ewwel team li għadda għall-finali tal-Bank of Valletta Knock out wara rebħa fuq Depiro 118-70 biex żammew iċ-ċans li jiddefendu l-unur li rebħu għal dawn l-aħħar tlett staġuni. Iż-żewġ timijiet kienu milquta b’nuqqas ta’ players hekk kif Hibs kienu mingħajr Marco Matijevic u Ivan Demcesen fil-waqt li Depiro għal darb’oħra kienu mingħajr l-Amerikan Quin Cooper li miegħhu żdiedu Nicholas Grech u Kurt Xuereb. L-Amerikan Cordarius Johnson ukoll deher iweġġa tul il-partita tant li tħalla għal ħin twil fuq il-bank. Kienu Hibs li ħadu l-inizjattiva u marru fuq quddiem 13-5 b’punti minn Jay Hardy u Anton Axiaq. Depiro kellhom risposta bi trippla ta’ Andy Attard u l-punti ta’ Adam Chomo biex marru fuq quddiem 14-13 però Hibs reġgħu ħadu l-vantaġġ wara baskets minn David Bugeja 19-16. Fit-tieni perjodu kienu hemm punti fuq kull naħa qabel ma Hibs għamlu run ta’ 13-2 b’diversi punti ta’ Hardy u Axiaq. Luke Farrugia kompla jkabbrilhom il-vantaġġ bi trippla u l-istess għamlu Hardy u Nikola Vasovic f’run oħra ta’ 12-2 biex Hibs daħlu jistrieħu 52-30 minn fuq.

Fit-tielet taqsima Depiro fetħu b’basket ta’ Johnson u trippla ta’ Chomo bil-Hibs jirrispondu bi tlett baskets mingħajr risposta. Hawn waslu sensiela oħra ta’ trippli mill-Pawlisti fosthom tlieta minn Hardy u tnejn minn Vasovic b’Chomo jwieġeb għal Depiro flimkien ma’ trippla ta’ Matthew Borg. Sa’ tmiem is-sessjoni Hibs komplew iżidu l-vantaġġ bil-punti ta’ Chandler Rowe u Bugeja fosthom trippla għal skor ta’ 90-49. Fl-aħħar taqsima minkejja diversi players ta’ fuq il-bank fuq il-court, Hibs komplew ikabbru l-vantaġġ fejn għaqqdu l-mitt punt b’basket ta’ Vasovic. Depiro kellhom il-punti ta’ Timothy Zammit fosthom tlett three pointers qabel ma Hibs għalqu l-partita bit-trippli taż-żgħażagħ Paul Attard u Matthew Attard biex ħarġu rebbieħa 118-70.

Hibernians: P. Attard 3, D. Bugeja 17, K. Caruana 8, L. Farrugia 5, J. Hardy 34, I. Bonnett 2, N. Vasovic 18, A. Axiaq 12, M. Attard 2, C. Rowe 16.

 

Depiro: C. Johnson 11, J. Attard, D. Farrugia 4, A. Attard 7, O. Said 3, M. Borg 3, M. Brincat 3, T. Zammit 17, A. Chomo 25.

Referees: Bernard Vassallo, Zvezdan Dobrosaviljevic, Daniella Torok

Starlites GIG 87

 

Bupa Luxol 95

(17-12)(18-28)(21-20)(31-35)

Luxol komplew bil-mument posittiv tagħhom fejn għelbu wkoll lil Starlites GIG

Ritratt: Wally Galea

din id-darba fis-semifinali tan-Knock out biex waslu sal-finali tad-29 ta’ Marzu kontra Hibernians. Luxol kellhom prestazzjoni mill-aqwa bi players bħal Francesco Mifsud Bonnici u Keith Dimech flimkien mal-barranin tagħhom Vukassin Jandric u William Claiborne. Starlites ukoll kellhom il-wirjiet posittivi minn Alec Felice Pace u Konor Kulas fost l-oħrajn però kienu Luxol li finalment ħadu r-rebħa. Starlites ħadu l-ewwel vantaġġ ta’ 9-4 bil-punti ta’ Konor Kulas, frisk mir-rebħ tal-unur tal-player tax-xahar ta’ Jannar flimkien ma’ Robert Bonnici u Felice Pace. Luxol wieġbu permezz ta’ Jandric u Mifsud Bonnici però Starlites baqgħu fuq quddiem fejn għalqu t-taqsima bi trippla ta’ Matthew Scerri għal skor ta’ 17-12. Fil-ftuħ tat-tieni perjodu Luxol dawwru l-iskor favurhom wara seba’ punti mingħajr risposta. Iż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin bi Starlites imorru minn fuq wara trippla ta’ Felice Pace 30-25. Hawn Luxol kellhom mument posittiv bi break ta’ 15-5 fejn kellhom trippli ta’ Jandric u tnejn ta’ Dimech u daħlu jistrieħu  40-35 minn fuq.

Wara l-intervall Starlites fetħu b’run ta’ 9-2 fosthom trippla ta’ Robert Ahearn u marru minn fuq b’Duncan Fenech jieħu time-out biex iwaqqfilhom ir-run. Il-partita baqgħet kumbattuta fejn Luxol reġgħu marru minn fuq fejn Claiborne għamel trippla flimkien m’oħra ta’ Jandric u fetħu vantaġġ ta’ 4 punti fi tmiem is-sessjoni 60-56. Fl-aħħar taqsima Luxol saħansitra marru 10 minn fuq wara żewġ trippli oħra minn Dimech u Jean Paul Schembri. Starlites kellhom reazzjoni mmedjata b’sitt punti mingħajr risposta fosthom trippla ta’ Felice Pace. Luxol ma tgerfxux u għaqqdu break importanti ta’ 7-2 iżda Felice Pace kompla jitħabat għal Starlites u naqqas id-distakk għal 3 punti 78-81. Trippla ta’ Jandric u żewġ punti mil-linja ta’ Claiborne reġgħu taw nifs lil Luxol li baqgħu jirrispondu għal kull basket ta’ Starlites b’konċentrazzjoni liemha bħala u għalqu l-partita bill-free-throws ta’ Jandric biex kisbu r-rebħa  95-87 u post fil-finali.

Starlites GIG: A. Felice Pace 21, B. Zammit, R. Bonnici 11, I. Felice Pace 2, M. Vella, M. Falzon, M. Scerri 8, R. Carabott 10, K. Kulas 24, R. Ahearn 11.

Luxol: J. Cefai, V. Jandric 28, N. Andrejevic, L. Trapani, F. Mifsud Bonnici 17, JP Schembri 5, K. Dimech 18, I. Pace, K. Gauchi, W. Claiborne 27.

Referees: Bernard Vassallo, Ivica Simic, Kamil Dworniczak.





Leave a comment