Luxol jirbħu wkoll il-Finali tan-Knock Out

Friday, April 12, 2019, 13:43

Luxol għalqu l-istaġun bl-aħjar mod possibli, hekk kif wara li rebħu l-kampjonat tal-Elite, rebħu wkoll il-Finali tan-Knock Out għal darb’oħra kontra Valletta bl-iskor ta’ 6-2.

Logħba li fil-bidu kienet bilanċjata u li baqgħet eċċitanti u interessanti sal-aħħar. Kienu li l-Beltin li fit-tielet minuta fetħu l-iskor permezz ta’ Dylan Musu u f’inqas minn minuta Andy Mangion għamilhom 1-1. Żewġ minuti mit-tmiem Leanderson Sant’ Anna Coriolano poġġa lil Luxol fil-vantaġġ u hekk intemmet l-ewwel taqsima.

Wara seba’ minuti milgħuba tat-tieni taqsima Luxol għamluhom 3-1 hekk kif il-ballun ġie mxellef ma’ idejn Musu u daħal ħelu ħelu fix-xibka. 40 sekonda biss wara kien imiss lil Nicola Del Re, li lbieraħ kellu l-faxxa ta’ captain li skurja r-raba’ gowl għal Luxol.  Meta kien fadal 7 minuti u 52 sekonda Celino Alves għamilhom ħamsa u 36 sekonda wara Leanderson għaqqad doppjetta personali u għamilhom 6-1. Madwar ħames minuti wara Mohamed Abdussalam Elamari skurja t-tieni gowl ta’ Valletta, biex għamel l-iskor finali ta’ 6-2.

Wara tmiem il-logħba il-Viċi President tal-MFA Dr Matthew Paris flimkien ma’ Mireille Vella ippreżentaw il-midalji u t-tazza lil Nicola Del Re u Mark Zammit għollew flimkien fost il-briju ta’ sħabhom.

Matul din il-ġimgħa wkoll fl-aħħar Promotion Play Off Tarxien Rainbows għelbu lil Pietà Hotspurs bl-iskor ta’ 4-0.

B’hekk ġie fi tmiemu staġun ieħor ta’ futsal lokali, bl-impenn li jmiss ikun is-sehem ta’ Luxol fir-rawnd preliminari tal-UEFA Futsal Champions League.





Leave a comment