Luxol jirbħu s-Super Cup fl-aħħar ħin

Wednesday, November 18, 2015, 17:16

Gavin Muscat

Luxol jirbħu l-ewwel unur ta’ dan l-istaġun f’logħba mill-aktar eċċitanti u li żammitna fuq ix-xwiek sal-aħħar.

Għal Valletta din kienet l-ewwel finali tas-Super Cup u ħarġu b’rashom mgħollija, għaliex taw oppożizzjoni denja sal-aħħar lil Luxol.

Għall-bidu l-Beltin ħadu l-kmand tal-logħba u fetħu l-iskor permezz ta’ Jovica Milijic. Denis Di Maio żied żewġ gowls oħra biex kabbar il-vantaġġ għat-tim mill-kapitali. Luxol naqsu d-distakk permezz ta’ Carl Azzopardi, biex b’hekk l-ewwel taqsima ntemmet bl-iskor ta’ 3-1.

Fit-tieni taqsima, Luxol ħarġu aktar determinati u tefgħu kollox fuq l-attakk, hekk kif Frane Despotovic beda jkun il-flying keeper.

Minn naħa l-oħra l-Beltin baqgħu jirreżistu għall-pressjoni avversarja u Dylan Musu kellu wkoll doppjetta għalih.

Luxol baqgħu jużaw il-flying keeper u din il-mossa ħadmet tajjeb tant li kisbu d-dro drammatiku permezz ta’ doppjetta ta’ Glenn Bonello u gowls ta’ William Barbosa u Carl Azzopardi.

Bir-riżultat ta’ 5-5, ir-rebbieħ tal-finali kellu jiġi deċiż fil-ħin barrani. Kien hawn li Valletta daħlu wkoll il-flying keeper permezz ta’ Dylan Musu.

Luxol dawru t-telfa f’rebħa u  marru għall-ewwel darba fil-vantaġġ minn freeshot skurjat minn Frane Despotovic. Luxol approfittaw mill-lasti vojta ta’ Valletta u sabu x-xibka tliet darbiet oħra permezz ta’ William Barbosa, Frane Despotovic u Carl Azzopardi.

Minkejja l-isforzi kontinwi u sal-aħħar tal-Beltin, Luxol ħarġu rebbieħa bl-iskor finali ta’ 9-5.

Fl-aħħarnett, il-President tal-FMA Mark Borg ippreżenta t-tazza lil captain William Barbosa, b’dan tal-aħħar jgħolliha ‘l fuq fost il-ferħ kbir ta’ sħabu tat-tim ta’ Luxol.


—————————————————————————————————————————————————————————————————————–

—————————————————————————————————————————————————————————————————————–





Leave a comment