Luxol jieħdu l-ewwel unur tal-istaġun il-ġdid tal-futsal

Sunday, November 20, 2016, 11:02

Gavin Muscat

Ingħata bidu għall-istaġun il-ġdid tal-futsal, bil-finali tas-Super Cup li laqgħet liċ-ċampjins Valletta kontra r-rebbieħa tan-Knock Out Luxol. It-tim minn St. Andrew’s irnexxielu jaħtaf l-ewwel unur tal-istaġun, hekk kif għamel bħal daż-żmien sena u għal darb’oħra kontra Valletta. Dakinhar l-iskor finali kien ta’ 9-5 u din id-darba ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 7-4.

Fl-ewwel taqsima Luxol iddominaw sew u mill-ewwel kienu offensivi għax wara l-ewwel żewġ azzjonijiet li kellhom, wara minuta mill-bidu tal-partita, marru fil-vantaġġ permezz ta’ Celino Alves. Erba’ minuti biss wara Luxol irduppjaw l-iskor, meta minn frikik dirett mogħti minn Frane Despotovic li minn kważi nofs il-grawnd għeleb għal kollox lill-gowlkiper Belti Neil Cuschieri. Madwar żewġ minuti wara kien Zvezdan Vukovic li għamilhom tlieta għal Luxol. Valletta rrispondew mill-ewwel għal dan il-gowl għax wara biss erbatax-il sekonda, l-akkwist il-ġdid tagħhom (eks Ħamrun Spartans) Raphinha skurja l-ewwel gowl Belti. Fl-aħħar ħames minuti tal-ewwel taqsima rajna minn kollox. Luxol żiedu żewġ gowls oħra permezz ta’ Carl Azzopardi u Emil Andrei Raducu. Madankollu Valletta kellhom żewġ ċansijiet li jnaqqsu sew id-distakk qabel il-mistrieħ, meta fallew żewġ shots minn fuq it-tieni penalty spot mogħtija minn Xavier Saliba u Raphinha li ġew imċaħħda mill-gowlkiper avversarju tagħhom Matthew Xerxen.

Fit-tieni taqsima l-Beltin ħarġu aktar determinati u daħlu aktar fil-partita. Fir-raba’ minuta l-captain ta’ Valletta Xavier Saliba rnexxielu din id-darba jegħleb lill-gowlkiper Xerxen u naqqas l-iskor għal 5-2. Minn hawn ‘il quddiem Valletta ħadu r-riskju, tefgħu kollox fuq l-attakk u bdew jilagħbu b’Dylan Musu bħala flying keeper. B’din il-mossa tattika l-Beltin kellhom ħinijiet twal bil-pussess tal-ballun u żammew lil Luxol milli jiskurjaw is-sitt gowl tagħhom. Seba’ minuti mit-tmiem Celino Alves irnexxielu jgħaddi tajjeb mal-linja u meta ra l-lasta vojta tefa’ l-ballun fix-xibka u għamilhom 6-2. Minuta wara kien Mohammed Elamari li skurja t-tielet gowl Belti u ftit sekondi wara Dylan Musu naqqas id-distakk għal 6-4. Despotovic naqas milli jiskurja t-tieni gowl personali meta mit-tieni penalty spot laqat il-lasta. Meta kien fadal minuta u sitta u tletin sekonda ta’ logħob, il-captain ta’ Luxol Mark Zammit issiġilla r-rebħa u għalaq definitivament il-partita, bl-iskor ta’ 7-4.

Wara tmiem il-partita ngħataw il-midalji kommemorattivi liż-żewġ timijiet, li ssieltu mhux ftit u taw finali mill-aktar spettakolari. Fl-aħħarnett il-President tal-FMA il-Perit Mark Borg, flimkien mat-Teżoriera Mireille Vella ppreżentaw it-tazza lill-captain ta’ Luxol Mark Zammit li għollieha ‘l fuq fost il-ferħ meritat ta’ sħabu l-plejers u d-diriġenti.

Il-futsal lokali jkompli l-ġimgħa d-dieħla b’dawn il-partiti mill-kompetizzjoni Knock Out:

It-Tnejn 14 ta’ Novembru fit-8pm ikollna Luxol vs Sliema u fid-9:15pm Valletta kontra Tarxien li jirritornaw fil-futsal.

It-Tlieta 15 ta’ Novembru jkollna logħba waħda fid-9:15pm bejn Ħamrun u Qormi.

Il-Ħamis 17 ta’ Novembru fit-8pm ikollna Mrieħel ESS li jiddebuttaw kontra t-tim tal-Università ta’ Malta u fid-9:15pm Swieqi jilagħbu kontra tim ieħor ġdid li huma Zurrieq Wolves.

Il-Ġimgħa 18 ta’ Novembru fit-8pm Qrendi jilagħbu kontra Msida u fid-9:15pm Swieqi U21 jilagħbu kontra Marsascala.

Luxol Futsal Team





Leave a comment