Luxol jerġgħu jgħollu s-Super Cup

Saturday, September 16, 2017, 9:12

Wara sajf mill-aktar eċċittanti, Luxol St Andrews jiksbu suċċess ieħor u l-ewwel wieħed għal dan l-istaġun il-ġdid. Fil-finali tas-Super Cup Luxol ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 9-3 kontra Hamrun Tre Angeli, li min-naħa tagħhom kienu avversarji denji.

Kienu l-istess Ħamruniżi li ħasdu lil kulħadd, meta wara biss ħames sekondi marru fil-vantaġġ permezz tal-captain Jason Mifsud. Minuta u nofs wara l-Brażiljan eks Hamrun Rogerio Dos Santos ġab l-iskor indaqs għal Luxol. Emil Raducu, Glenn Bonello u George Frendo għamlu l-iskor 4-1 qabel tmiem l-ewwel taqsima.

Fl-ewwel żewġ minuti tat-tieni taqsima, reġa’ kien Rogerio Dos Santos li għaqqad tripletta u kompla jkabbar l-iskor favur Luxol. Il-Brażiljan ta’ Hamrun Everton Dos Santos b’doppjetta reġa’ daħal lill-Ħamruniżi fil-logħba. Luxol għamlu ċert li jirbħu din il-finali b’gowl ieħor tar-Rumen Emil Raducu, Mark Zammit u Zvezdan Vukovic.

Wara dan il-konfront, il-Viċi President tal-MFA Dr Matthew Paris flimkien mas-Sinjura Mireille Vella mill-eżekuttiv tal-FMA, mexxew il-preżentazzjoni lill-finalisti. Fl-aħħarnett il-captain ta’ Luxol Mark Zammit ngħata t-tazza u għolliha ‘l fuq fost il-ferħ ta’ sħabu u l-partitarji preżenti.





Leave a comment