Luxol jerbħu r-raba’ unur tal-istaġun

Monday, February 25, 2013, 19:30

ST. JAMES HOSPITAL KNOCK OUT NISA

minn Colin Schembri

Pavi Depiro 64

Luxol 71

(22-18)(15-18)(11-18)(16-17)

 

Ic-champions Luxol għamluhom erbgħa minn erbgħa dan l-istaġun meta fil-finali tas-Saint James Hospital Knock out għelbu lil Pavi Depiro 71-64. L-aħħar darba li Luxol rebħu dan l-unur kien fl-istaġun 1990/91 u dan huwa l-ewwel staġun fl-istorja tal-basketball femminili ta’ Luxol li rebħu erba’ unuri fi staġun wieħed. Il-partita kienet verament missielta bil-vantaġġ jibdel l-idejn għal diversi drabi u ż-żewġ timjiet kellhom ir-runs tagħhom. Depiro kellhom nieqsa lil Christabelle Camilleri fil-waqt li Luxol kienu mingħajr Paula Ellul. Il-partita kellha bidu bilanċjat tant li wara sitt minuti kellna parita ta’ 6-6. Depiro kellhom mument tajjeb bi tlett three pointers wara xulxin 2 minn Beverlee Zammit u ieħor ta’ Steffi De Martino. Ir-risposta ta’ Luxol ġiet mill-punti ta’ Mollie Williams u Sarah Pace pero’ free-throws ta’ De Martino u Latisha Belcher ħallew lil Depiro minn fuq. Luxol kellhom żewġ baskets minn Williams u Pace pero’ Zammit għalqet is-sessjoni b’basket għal skor ta’ 22-18. Depiro żammew il-vantaġġ fil-ftuħ tat-tieni sessjoni wara trippla minn Gaby Mifsud bil-Luxol iwieġbu permezz ta’ Mandi Sciortino u Diana Muscat. Depiro baqgħu fuq quddiem bi trippla ta’ Belcher u aktar punti minn Zammit qabel ma Luxol ippareġjaw bi trippla ta’ Becky Naudi. Qabel intemmet it-taqsima Samantha Brincat għamlet trippla favur Depiro pero’ Naudi wieġbet b’basket biex Depiro daħlu jistrieħu punt minn fuq 37-36.

It-tielet sessjoni fetħet b’żewġ baskets fuq kull naħa biex Depiro żammew il-vantaġġ ta’ punt 41-40. Hawn Sarah Pace għamlet żewġ three pointers flimkien ma’ freethrows minn Greta Zarb biex Luxol marru sebgħa minn fuq 48-41. It-taqsima reġgħet kompliet b’basket fuq kull naħa għal skor ta’ 54-48. Depiro fetħu l-aħħar perjodu b’żewġ baskets ta’ Belcher pero’ Luxol reġgħu għamlu run ta’ 10-2 bi trippli ta’ Naudi u Pace. Luxol tilfu lil Mollie Williams fil-mument li Depiro kienu għaddejin minn run ta’ 10-0 bi tlett baskets ta’ De Martino. Fit-tmien minuta l-iskor kien indaqs 64-64 u hawn Depiro tilfu lil Belcher bil-ħames foul. Fl-aħħar żewġ minuti kien hemm biss il-punti ta’ Luxol minn Sarah Pace, Mandi Sciortino u Greta Zarb biex rebħu l-partita 71-64. Fi tmiem il-partita Maria Bugeja, direttriċi ta’ St. James Hospital ppreżentat it-trofew lil captain ta’ Luxol Mandi Sciortino.

           

Depiro: A. Mifsud, G. Mifsud 3, F. Biancho, S. Brincat 6, M. Bonnett, S. De Martino 22, M. Mifsud, M. Scicluna, L. Belcher 19, S. Micallef, B. Zammit 14.

Luxol: S. Pace 19, M. Sciortino 12, C. Medina, B. Naudi 16, J. B. Gaerty, G. Zarb 5, M. Williams 13, D. Muscat 6, K. Portelli.

Referees: Clive Terribile, Luke Camilleri, Jacques Abeng.





Leave a comment