Luxol jerbħu l-kampjonat tan-nisa taħt it-23 sena

Wednesday, April 5, 2017, 23:51

Kampjonat St. James Hospital – U/23 Nisa FINALI

minn Colin Schembri

Depiro 33

Luxol 38

(9-7)(9-13)(4-11)(11-7)

Luxol għamlu d-double fil-kategorija ta’ taħt it-23 sena meta wara li rebħu l-kampjonat tal-irġiel, fil-finali tal-kampjonat tan-nisa għelbu lil Depiro 38-33. Fis-semifinali Luxol għelbu lil Hibernians 83-54 fil-waqt li Depiro għelbu lil Starlites 67-16. Il-finali kienet waħda ta’ skor baxx bid-difiżi taż-żewġ naħat attenti għal xulxin. Kienu Luxol li ħadu l-ewwel vantaġġ wara punti ta’ Paula Ellul, Attirah Munir u Cristina Sollami. Kien imiss lil Depiro li jagħmlu disa’ punti mingħajr risposta bi trippla ta’ Gaby Mifsud flimkien ma’ Claire Ciantar u Tina De Martino biex temmew is-sessjoni 9-7 minn fuq. Fit-tieni perjodu ż-żewġ timijiet bdew jirrispondu lil xulxin biex Depiro żammew il-vantaġġ minimu li kellhom. Luxol imbagħad kellhom seba’ punti mingħajr risposta bi trippla ta’ Ellul u għalkemm Depiro għalqu bi trippla ta’ Maria Bonett, Luxol daħlu jistrieħu 20-18 minn fuq.

Fit-tielet perjodu, Luxol żammew il-vantaġġ wara l-baskets ta’ Munir u Christina Curmi. Depiro sabu diffikulta biex jagħmlu l-punti tant li kellhom biss żewġ free-throws ta’ Bonett u basket minn Nicole Agius. Punti konsekuttivi ta’ Munir flimkien ma’ Martina Darmanin raw lil Luxol jiftħu vantaġġ ta’ disa’ punti fi tmiem is-sessjoni 31-22. Fl-aħħar sessjoni, wara basket inizzjali ta’ Curmi għal Luxol, Depiro kellhom run ta’ 10-0 b’żewġ three pointers ta’ Agius biex naqqsu id-distakk għal basket 31-33. Wara punti ta’ Munir għal Luxol u De Martino għal Depiro, Luxol għalqu l-partita bil-free-throws biex ħarġu rebbieħa 38-33. Fi tmiem il-partita s-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat ippreżenta t-tazza lil captain ta’ Luxol Christina Curmi.

Depiro: Andrea Mifsud, Gaby Mifsud 5, Mante Balzaraviciute, Maria Bonett 6, Mariah Micallef, Nicole Agius 8, Martina Scicluna, Laura Vella, Justine Xuereb, Tina De Martino 8, Claire Ciantar 6.

Luxol: Cristina Sollami 3, Christine Borg Millo, Attirah Munir 19, Kaia Calleja, Noelene Vella, Kay Portelli 1, Paula Ellul 8, Lara Caruana Montaldo, Martina Darmanin 3, Christina Curmi 4.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Igor Marjanovic.





Leave a comment