Luxol jerbħu l-kampjonat tan-nisa taħt it-23 sena

Monday, March 19, 2018, 19:38

Kampjonat St. James Hospital – U/23 Nisa FINALI

minn Colin Schembri

Hibernians 44

Luxol 49

(8-13)(13-7)(7-17)(16-12)

Luxol rebħu l-kampjonat ta’ taħt it-23 tan-nisa wara li għelbu lil Hibernians 49-44. Fis-semifinali Luxol għelbu lil Starlites 59-51 fil-waqt li Hibernians għelbu lil Depiro 57-54. Il-finali kienet waħda ta’ skor baxx bid-difiżi taż-żewġ naħat attenti għal xulxin bid-differenza tagħmilha Christina Curmi li kellha partita stupenda minkejja li sofriet injury fil-bidu tal-partita. Iż-żewġ timijiet kellhom diversi players fil-formazzjoni tagħhom li jimmilitaw b’mod regolari fil-kampjonat. Luxol fetħu l-partita bl-ewwel run ta’ 11-2 minn Noelene Vella u Cristina Sollami li kellha three pointer. Hibs kisbu l-ewwel punti tagħhom minn Sophie Abela u trippla ta’ Naomi Farrugia però Luxol temmew it-taqsima 13-8 minn fuq. Fil-ftuħ tat-tieni perjodu Hibs irkupraw meta fetħu bi 8 punti mingħajr risposta minn Julia Scerri, Kristy Caruana u Abela. Luxol waqqfuhom bi trippla ta’ Monique Caruana però Hibs komplew bil-punti ta’ Iona Agius flimkien ma’ Scerri u Abela biex daħlu jistrieħu punt minn fuq 21-20.

Wara l-intervall, Hibs żammew il-vantaġġ fl-ewwel żewġ attakki però hawn Luxol kellhom mument mill-aqwa b’run ta’ 13-0 b’diversi punti ta’ Curmi flimkien ma’ Vella u Sollami li kellha trippla oħra. Hibs finalment wieġbu bi three pointer ta’ Jasmine Abela però Luxol temmew is-sessjoni fuq quddiem 37-28. Fl-aħħar taqsima, Hibs tħabtu biex jerġgħu jnaqqsu d-distakk bil-punti ta’ Sophie Abela u Caruana però Luxol bdew jirrispondu bil-punti ta’ Curmi u Martina Darmanin. Trippla ta’ Jasmine Abela naqqset id-distakk għal basket 42-49 però ftit kien għad fadal ħin u Luxol għalqu l-partita bl-aħħar baskets minn Curmi u Darmanin biex reħu l-finali fuq skor ta’ 49-44.Fi tmiem il-partita l-President tal-MBA Paul Sultana ppreżenta t-tazza lil captain ta’ Luxol Christina Curmi.

Hibs: Kaya Calleja, Julia Scerri 12, Iona Agius 4, Jasmine Galea 6, Britney Agius, Naomi Farrugia 3, Kirsty Caruana 11, Sophie Abela 8.

Luxol: Monique Caruana 3, Christine Borg Millo, Nicole Vella, Noelene Vella 9, Cristina Sollami 12, Lara Caruana Montaldo, Martina Darmanin 6, Christina Curmi 19.

Referees: Bernard Vassallo, Emanuel Mangani, Vladimir Nikolic.





Leave a comment