Luxol jerbħu l-kampjonat ta’ taħt it-23 sena wkoll

Tuesday, March 26, 2013, 19:21

KAMPJONAT TA’ TAĦT IT-23 SENA TFAJLIET

minn Colin Schembri

Luxol 63

Loyola 50

(14-10)(15-9)(22-8)(12-23)

Wara li rebħu l-kampjonat St. James Hospital ta’ taħt is-sittax –il sena tat-tfajliet Luxol rebħu wkoll il-kampjonat ta’ taħt it-23 sena wara li fil-finali għelbu lil Loyola b’distakk ta’ 13 –il punt 63-50. Iż-żewġ timijiet użaw il-players Amerikani tagħhom Mollie Williams u Brietta Thomas flimkien ma’ diversi players li jilgħabu fil-kampjonat nazzjonali. Fis-semi-finali Luxol għelbu lil Depiro 43-38 fil-waqt li Loyola ħarġu rebbieħa fuq Athleta 73-66. Becky Naudi fetħet il-partita għal Luxol bi trippla u fit-tielet minuta huma kellhom vantaġġ ta’ 6-0. Hawn Loyola bdew iwieġbu bil-punti ta’ Thomas u Kristie Tonna biex marru fuq quddiem 10-7. Hawn però Luxol kellhom break ta’ 7-0 bi trippla ta’ Kay Portelli biex temmew is-sessjoni 14-10 minn fuq. Luxol komplew iżidu l-vantaġġ anke fil-ftuħ tat-tieni sessjoni meta għamlu l-ewwel 7 punti b’baskets minn Martina Darmanin, Portelli u Williams. Basket ta’ Petra Montanaro u trippla ta’ Thomas ressqu lil Loyola viċin però Luxol daħlu jistrieħu 10 minn fuq 29-19.

Fil-ftuħ tat-tielet sessjoni Luxol kellhom il-punti konsekuttivi ta’ Williams biex kabbru l-vantaġġ 39-23 fil-ħames minuta. Bir-risposta ta’ Loyola ma tasalx, Luxol għamlu break ieħor ta’ 12-2 biex temmew il-perjodu b’vantaġġ komdu ta’ 24 punt 51-27. Fl-aħħar sessjoni Loyola tħabtu biex jerġgħu jidħlu fil-partita speċjalment b’diversi punti ta’ Thomas fosthom trippla biex fis-sitt minuta kienu 11 minn taħt hekk kif Luxol għamlu basket wieħed biss minn Leanne Vella. Baskets ta’ Clementina Medina reġgħu taw ftit tan-nifs lil Luxol hekk kif huma daħlu għall-aħħar żewġ minuti 15 minn fuq 58-43. Thomas għamlet ir-raba’ trippla tagħha għal Loyola però l-ħin kien kontra tagħhom biex Luxol għalqu l-partita bi trippla ta’ Naudi għal skor finali ta’ 63-50. Fi tmiem il-partita s-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat ppreżenta t-trofew lil captain ta’ Luxol Becky Naudi.

 

Luxol: M. Caruana, L. Vella 2, C. Medina 4, B. Naudi 11, J. Busuttil Gaerty, M. Darmanin 7, K. Portelli 7, M. Williams 22, P. Ellul 10, C. Curmi.

Loyola: L. Pace 1, J. Doughty 2, M. Gatt 3, B. Thomas 33, K. Tonna 7, P. Montanaro 2, F. Camilleri 2.

Referees: Clive Terribile, Josef Attard.





Leave a comment