Luxol jagħtu l-ewwel telfa tal-istaġun lil Balkan Fusion

Monday, December 18, 2017, 21:08

Kampjonat Bank of Valletta Irġiel 2 Diviżjoni

minn Colin Schembri

Balkan Fusion 77

Luxol 80

(16-17)(15-21)(26-23)(20-19)

Luxol ħasdu lil Balkan Fusion u tawhom l-ewwel telfa tal-istaġun biex pattew għat-telfa fil-finali tas-shield. Kienet partita ta’ livell bejn żewġ timijiet bi players ta’ livell għalkemm Balkan ħassew in-nuqqas ta’ żewġ players importanti għalijhom Alex Perunicic u Nikola Stankovic. Partita li f’xi waqtiet kienet nervuża bit-team tal-Balkani jsofri wkoll tlett technical fouls kontrih. Bogdan Ilic patta għan-nuqqas ta’ sħabu meta spiċċa l-partita bi 28 punt però Luxol kellhom lil Vukassin Jandric, frisk mir-rebħ tal-BOV player tax-xahar f’burdata mill-aqwa fejn spiċċa bi 38 punt flimkien mas-solitu Keith Dimech li kellhu diversi rebounds. Balkan bdew tajjeb u marru 8-2 minn fuq. Huma żammew dan id-distakk qabel ma Luxol għamlu run ta’ 8-0 bi trippla ta’ Jandric u marru basket minn fuq. Balkan wieġbu b’żewġ baskets iżda Luxol għalqu bi trippla ta’ Liam Caruana Montaldo għal skor ta’ 17-16. Fit-tieni perjodu l-vantaġġ beda jibdel l-idejn kontinwament. Luxol kellhom trippla ohra minn Jandric u wara li Balkan għamlu l-iskor indaqs 24-24, Luxol għamlu run ohra ta’ 9-0 bi trippla ta’ Dimech. Qabel l-intervall, Balkan kellhom it-three pointers ta’ Ilic għal skor ta’ 38-31.

Fil-ftuħ tat-tielet taqsima Luxol komplew bit-three pointers tagħhom minn Jandric u Dimech biex fetħu vantaġġ ta’ 13 –il punt 50-37. Balkan li qatt s’issa ma kienu f’diffikulta simili, ppruvaw iwieġbu pero l-punti tagħhom kienu limitati għal Ilic li kellhu wkoll trippla flimkien m’oħra ta’ Sergi Jorben biex Luxol baqgħu 4 minn fuq 61-57. Fl-aħħar taqsima, il-logħob baqa’ jkun bilanċjat bil-Luxol jiftħu bil-punti ta’ Caruana Montaldo u Jandric. Balkan irnexxielhom jieħdu l-vantaġġ wara three pointers minn Marcos Hernandez u Ilic. Luxol irrispondew permezz ta’ Dimech, Caruana Montaldo u Clayton Calleja u minkejja li għal darbtejn Balkan waslu sa’ punt ‘l bogħod, Luxol żammew sod u ħarġu rebbieħa 80-77.

Balkan Fusion: N. Radicevic 2, M. Stjepanovic 2, B. Ilic 28, I. Kumric 4, S. Jorben 10, Z. Stankovic 8, N, Bukva 12, V. Lekovic, M. Hernandez 11.

 

Luxol: L. Caruana Montaldo 14, V. Jandric 38, K. Camilleri, B. Caruana Montaldo, K. Dimech 19, C. Calleja 7, M. Sjoberg 2, J. Navarro.

Referees: Emanuel Mangani, Kamil Dworniczak.

Marvels Power Plus 35

Victoria Libertas 48

(6-10)(13-8)(5-24)(11-6)

Victoria Libertas ħadu l-ewwel rebħa tal-kampjonat meta għelbu lil Marvels Power Plus 48-35. Iż-żewġ timijiet kellhom diversi players neqsin għal din il-partita speċjalment Marvels li kienu biss b’sitt players fejn fost l-oħrajn kellhom nieqes lill-aħjar skorer tagħhom Nicolo Guida flimkien ma’ Glenn Borg, Darryl Pisani u Andres Toompere. Libertas kienu mingħajr David Garcia u Daniele Miani. Il-partita kellha bidu kwiet fejn fl-ewwel minuti Marvels kienu 4-2 minn fuq. Libertas kellhom run qasira ta’ 8-2 biex temmew l-ewwel sessjoni 10-6 minn fuq. Fit-tieni perjodu, Marvels kellhom l-aħjar bidu fejn għamlu break ta’ 9-0 bil-punti ta’ Christian Briffa u Andrew Morris biex marru fuq quddiem. Libertas irnexxielhom iwieġbu lejn it-tmiem permezz ta’ 3 baskets ta’ Emanuel Lupo però fil-halftime Marvels kienu punt minn fuq 19-18.

Wara l-mistieħ il-folja nqalbet hekk kif kienu Libertas li ddominaw bi break ta’ 16-0 fosthom trippla ta’ Malcolm Sammut u diversi punti ta’ Lupo u Nicolo Petrucci. Marvels waqqfuhom b’punti minn Briffa u Ruben Curmi però Libertas għalqu s-sessjoni bi tmien punti ohra u ħadu vantaġġ ta’ 18 –il punt 42-24. Fl-aħħar sessjoni l-punti reġgħu naqsu fuq iż-żewġ naħat u baskets fuq kull naħa ppermettew lil Libertas iżommu l-vantaġġ li kellhom. Marvels għalqu l-partita bil-punti ta’ Kyle Magri u Briffa però ma kienux biżżejjed hekk kif Libertas ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 48-35.

Marvels Power Plus: R. Curmi 5, D. Debattista 2, K. Magri 4, A. Morris 3, C. Briffa 17, D. Borg 4.

 

Victoria Libertas: D. Agius 6, M. Farrugia, M. Sammut 3, K. Galea 2, N. Petrucci 15, S. Mizzi 2, E. Lupo 12, V. Barbu, M. Agius 2, B. Soler 6.

Referees: Nicky Azzopardi, Zvezdan Dobrosaviljevic.





Leave a comment