Luxol jagħmlu l-ewwel pass

Friday, May 20, 2011, 16:21

minn Colin Schembri

KAMPJONAT NISA’ – CHAMPIONSHIP POOL

 

Luxol vs Hibs

Luxol vs Hibs

Luxol

51

Hibs Medsea 46

(10-7)(9-4)(13-7)(19-28)

 

Fl-ewwel finali tal-kampjonat tan-nisa kienu Luxol li għamlu l-ewwel pass lejn ir-rebħ tal-kampjonat meta għelbu lil Hibs Medsea 51-46. Luxol irkupraw lil Steffi De Martino li kienet weġġat fl-aħħar partita pero Hibs baqgħu mingħajr Joselle Cardona. Fil-fatt reġgħat dehret fuq il-bank ta’ Hibs Caroline Schiavone li pero ma ġietx utilizzata mill-coach Winnie Buhagiar. De Martino kella partita mill-aqwa u żgur li t-tamiet ta’ Luxol li jerbħu l-kampjonat iduru ma din il-player żagħżugħa. Luxol iddominaw il-partita għall-ħin twil sakemm lejn tmiem l-aħħar sessjoni raw vantaġġ ta’ 20 punt jinżel għal żewg punti biss. It-tensjoni dehret evidenti speċjalment fl-ewwel ħinijiet tal-partita u li wara li Hibs ħadu vantaġġ b’basket ta’ Lucienne Bezzina, Luxol wieġbu bl-ewwel trippla ta’ De Martino. Iż-żewġ timijiet baqgħu iwieġbu lil xulxin bil-Luxol jibqgħu xi ftit aħjar u sal-intervall fetħu vantaġġ ta’ 8 punti 19-11.

Fil-ftuħ tat-tielet sessjoni Hibs ippruvaw jagħmlu rimonta pero kif waslu viċin, Luxol għamlu 3 baskets konsekuttivi b’De Martino tibqa’ tispikka. Fil-bidu tar-raba’ sessjoni Luxol żiedu l-vantaġġ tagħhom għal 20 punt 39-19. Hawn Hibs ġew f’tagħhom u l-ewwel trippla ta’ Kirsten Baldacchino għollietilhom il-moral. Iktar trippli ta’ Baldacchino flimkien m’oħra ta’ Bezzina raw lil Hibs jaslu sa 8 punti viċin. Luxol ippruvaw reazzjoni pero tilfu lil Mandi Sciortino u lil Beverlee Zammit bil-ħames foul. Hibs għamlu break ieħor u ġew basket biss il-bogħod 44-46. Basket ta De Martino ta ftit tan-nifs lil Luxol 48-44 u hawn Hibs bdew jirrikoru għal foul sistematiku biex iwaqqfu l-arloġġ. Pero Luxol bdew jagħmlu l-freethrows tagħhom biex ikkontrollaw l-aħħar sekondi li kien għad fadal u rebħu l-ewwel finali 51-46. It-tieni finali issa ssir nhar il-Ħadd li ġej 22 ta’ Mejju fis-sagħtejn u nofs. Rebħa ghal Luxol tatijhom il-kampjonat fil-waqt li rebħa għal Hibs tisforza t-tielet u l-aħħar partita il-Ħadd ta wara.

Luxol: E. Moore 4, M. Sciortino 4, L. Serge 2, B. Naudi 3, S. De Martino 28, P. Ellul 4, D. Muscat 1.

Hibs Medsea: E. Micallef, E. Cassar, L. Bezzina 11, M. Desira 9, D. Parnis 7, A Darmanin 5, N. Arrigo, K. Baldacchino 14, C. Schiavone.

Referees: Gordon Barbara, Emanuel Mangani





Leave a comment