Luxol champions ta’ taħt it-23 sena Irġiel

Monday, March 20, 2017, 15:01

KAMPJONAT ST. JAMES HOSPITAL U/23 Irġiel

minn Colin Schembri

Luxol 79

Depiro 76

(14-23)(21-20)(22-14)(22-19)

Luxol rebħu l-kampjonat ta’ taħt it-23 sena tal-irġiel meta wara partita mill-isbaħ u kumbattuta għal ħin twil huma għelbu lil Depiro 79-76. Fis-semi finali Luxol eleminaw lil Hibs fil-waqt li Depiro għelbu lil Startlites. Fil-waqt li l-Amerikan Pierce Cumpstone kien protagonist għal Luxol b’total ta’ 43 punt, fuq in-naħa l-oħra DJ Mason kellhu partita kwieta. Depiro għal ħinijiet twal kienu minn fuq u kien biss fl-aħħar taqsima li Luxol dawwru r-riżultat favur tagħhom. Depiro ħadu l-ewwel vantaġġ  bil-punti ta’ Darryl Schembri, Robert Bonnici u Mason. Luxol wieġbu bi trippla ta’ CJ Cordina biex ġabu l-iskor indaqs iżda Depiro reġgħu marru fuq quddiem bi break ta’ 12-4 u temmew l-ewwel sessjoni 23-14 minn fuq. Fit-tieni perjodu Luxol fetħu bi trippla ta’ Cumpstone u waslu sa’ sitt punti ‘l bogħod. Mason wieġeb għal Depiro b’sitt punti konsekuttivi flimkien ma’ Robert Bonnici u Kurt Xuereb u minkejja li Luxol kellhom trippla minn Stefan Capello u aktar punti minn Cumpstone u Cordina, Depiro daħlu jistrieħu 43-35 minn fuq.

Wara l-intervall Depiro żiedu d-distakk b’żewġ trippli ta’ Bonnici. Luxol irrispondew bil-punti ta’ Cumpstone u Capello però Bonnici kompla jikseb il-punti għal Depiro flimkien ma’ Schembri u Xuereb. Lejn tmiem il-perjodu kien Keith Dimech li kiseb 8 punti konsekuttivi għal Luxol biex irnexxielhom jagħmlu l-iskor indaqs 57-57. Luxol marru għall-ewwel darba minn fuq fl-aħħar taqsima wara punti ta’ Cumpstone li kellhu żewġ three pointers oħra. Il-partita issa kienet kumbattuta ferm u trippla ta’ Nicholas Grech poġġiet lil Depiro għal darb’oħra punt minn fuq 72-71. Cumpstone u Cordina poġġew lil Luxol minn fuq u minkejja basket ieħor minn Bonnici, Luxol għalqu l-partita bil-punti ta’ Cumpstone u Capello biex ħadu r-rebħa fuq skor ta’ 79-76. Fi tmiem il-partita s-Segretarju Ġenerali tal-MBA Joseph Muscat ppreżenta t-trofew lil captain ta’ Luxol fost il-ferħ tal-players u diriġenti tagħhom.

Luxol: CJ Cordina 12, Jason Borg Millo, Jamie Maistre Mellilo, Keith Dimech 12, Micheal Sjoberg, Pierce Cumpstone 43, Stefan Cappello 12.

Depiro: Josef Attard, Samuel Zammit 3, Robert Bonnici 27, Darryl Schembri 10, Rueben Xuereb, Nicholas Grech 3, Timothy Zammit, Ethan Briffa, DJ Mason 19, Kurt Xuereb 14, Matthew Borg, Myron Agius.

Referees: Emanuel Mangani, Stephen Micallef, Zvezdan Dobrosaviljevic.





Leave a comment