- Sport In Malta - http://www.sportinmalta.com -

Luke Micallef Perconte rebbieħ fit-tiġrija ta’ 5 kilometri fi Triq il-Kosta

Posted By Sportinmalta On July 9, 2018 @ 12:29 pm In Athletics,Featured | No Comments

Luke Micallef Perconte tal-Housing Authority kien ir-rebbieħ overall tat-tiġrija ta’ 5 kilometri li ġiet organizzata mill-MESA nhar is-Sibt, 7 ta’ Lulju 2018 fi Triq il-Kosta, biex kien qed jirbaħ it-tieni tiġrija konsekuttiva wara li kien ħareġ rebbieħ fit-tiġrija li kienet saret fil-31 ta’ Jannar li għadda fl-Imtarfa By-Pass. Huwa għamel id-distanza f’16-il minuta u 38 sekonda u kien segwit fit-tieni post minn Stefan Azzopardi mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni li daħal 14-il sekonda warajh, jiġifieri f’16-il minuta u 52 sekonda. Jean Paul Debono mill-Forzi Armati ta’ Malta, li kien spiċċa t-tieni fl-Imtarfa, daħal it-tielet fi 17-il minuta u tliet sekondi.

Mona-Lisa Camilleri minn Mater Dei Hospital rebħet il-kategorija femminili f’din l-ewwel parteċipazzjoni tagħha f’din it-tiġrija. Hija kellha ħin ta’ 18-il minuta u 54 minuta. Fit-tieni post ġiet Gianella Bugeja minn Transport Malta, rebbieħa ta’ diversi edizzjonijiet preċedenti tat-tiġrija, li kellha ħin ta’ 20 minuta u 24 sekonda, waqt li Joanna Camilleri (Education Dept), li kienet rebbieħa f’Jannar li għadda fl-Imtarfa, spiċċat it-tielet f’21 minuta u 17-il sekonda.

Fil-kategorija tat-teams, ir-rebħa marret għand l-SVPR (Morgan Brimmer, Melvin Mifsud u Adrian Mifsud) b’ħin aggregate ta’ 57 minuta u 33 sekonda, segwiti fit-tieni post mill-Education Dept u l-Università t-tielet.

L-akbar atleta li ħa sehem fit-tiġrija kienet Joseph Farrugia (GH Excelsior) li għandu 65 sena u kien l-uniku atleta ‘l fuq minn 55 sena li pparteċipa fit-tiġrija. Huwa spiċċa fl-34 post minn 52 atleta li ħadu sehem fit-tiġrija ta’ nhar is-Sibt.


Article printed from Sport In Malta: http://www.sportinmalta.com

URL to article: http://www.sportinmalta.com/luke-micallef-perconte-rebbieh-fit-tigrija-ta-5-kilometri-fi-triq-il-kosta/

Copyright © 2010 Sport In Malta. All rights reserved.