Lopez de Haro u Abdilla ssiġillaw it-tmiem ta’ suċċess fil-Eurosport BSJ 5k Road Running Series

Friday, August 16, 2019, 10:29

It-tielet u l-aħħar tellieqa tal-Eurosport BSJ 5k Road Running Series saret nhar it-Tlieta fl-Imtarfa. Is-Serje ġiet organizzata mill-Birkirkara St. Joseph Sports Club u miżmuma taħt l-awspiċji tal-Malta Amateur Athletics Association.

Minkejja li dawn it-tlielaq huma kkaratterizzati minn kundizzjonijiet ta’ sħana, is-Serje li tikkonsisti fl-tlett tlielaq, xorta żammet il-popolarità tagħha. L-aħħar tellieqa tas-Serje rat lir-rebbieħa tal-klassifika ġenerali jiġu ppremjati. Ir-ranking finali kien ibbażat fuq ir-riżultati miksuba fit-tlitt itlielaq.

Fil-Kategorija tal-Irġiel, għal darb’oħra Pedro Lopez de Haro wera l-kapaċita tiegħu. Lopez de Haro kellu sfida tajba minn Simon Spiteri, li konsistentament kien warajh matul is-Serje kollha. Fl-aħħar tellieqa, fit-tielet post ġie Shaun Galea. Intant fil-klassifika ġenerali, kien Mark Herrera li kiseb it-tielet post.

Fil-Kategorija tan-Nisa, Tara Abdilla ssiġillat rebħa oħra. Abdilla għelbet il-kompetizzjoni ta’ Joelle Cortis, li għamlet ritorn fix-xena, kif ukoll ta’ Margaret Seguna. Sadanittant, il-podju tas-Serje, ġie meħud minn Abdilla, Seguna u Celine Pace.

“Minkejja l-kundizzjonijiet sħan li laqtu l-gżejjer fil-ġimgħa tat-tellieqa, il-parteċipazzjoni kienet xorta waħda eċċellenti bl-atleti juru l-vera determinazzjoni minkejja l-kundizzjonijiet prevalenti. Il-Klabb jagħmel l-almu tiegħu biex jipprovdi esperjenza pożittiva lill-atleti kollha. Wieħed għandu jżomm f’moħħu l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-awtoritajiet li jipprovdu l-Klabb bl-appoġġ u l-permessi meħtieġa. Nirringrazzjaw lil dawk kollha involuti għall-kollaborazzjoni tagħhom, partikolarment Eurosport Malta għall-appoġġ kontinwu tagħhom. ”ikkummenta Euchar Camilleri, Segretarju Ġenerali, Birkirkara St Joseph Sports Club.

Il-Midalji u trofej ġew ippreżentati lir-rebbieħa tat-tellieqa mill-President tal-Birkirkara St. Joseph Sports Club, is-Sur Raymond Grech, waqt li dawk għar-rebbieħa tas-Serje ġew ippreżentati bit-trofej mis-Sur Edwin Attard, President tal-Malta Amateur Athletics Association.

L-avveniment li jmiss tal-atletika tal-Klabb ser ikun l-Eurosport Malta International Challenge Marathon li se jsir bejn it-22 u l-24 ta’ Novembru. Informazzjoni u reġistrazzjonijiet isiru online fuq http://www.maltachallengemarathon.com.





Leave a comment