Lopez de Haro, Bezzina jieħdu l-unuri fit-tieni tellieqa tal- Eurosport BSJ 5k Road Running Series

Thursday, July 18, 2019, 8:21

Minkejja li l-By Pass tal-Mtarfa hu kemm xejn milqugħ,  xorta ntlaqat minn riħ qawwi li għamlu l-kundizzjonijiet għat-tieni tellieqa tal-Eurosport BSJ 5k Road Running Series kemm xejn diffiċli.

Organizzata mill-Birkirkara Saint Joseph Sports Club u miżmuma taħt l-awspiċi tal-Malta Amateur Athletics Association, it-tellieqa għal darb’oħra laqgħat fostha aktar minn mitejn atleta.

Simon Spiteri ħa t-tmexxija mill-bidu, iżda ma kien hemm l-ebda dubju li Pedro Lopez de Haro kien qed jimmira għat-tieni rebħa tas-Serje.  It-tnejn żammu flimkien sa kważi l-aħħar iżda hekk kif qorbu lejn l-aħħar ftit Lopez de Haro ħa r-rebħa, b’vantaġġ ta’ seba’ sekondi. Kemm Spiteri u Lopez de Haro rreġistraw ħinijiet imtejba mit-tellieqa ta’ qabel. Fit-tielet post kien Mark Herrera, li daħal għaxar sekondi wara Spiteri.  Herrera tejjeb il-ħin tiegħu, mill-ewwel tellieqa, bi tletin sekonda.

Ir-rebbieħa taż-żewġ midaljli tad-Deheb fil-Logħob tal-Pajjiżi Żgħar Lisa Bezzina tat prestazzjoni impekkabli biex tieħu postha fuq quddiem fil-kategorija tan-nisa. Bezzina bniet distakk komdu fuq Tara Abdilla, li daħlet fit-tieni post.  Il-veterana Carmen Hili daħlet fit-tielet post u tejbet il-ħin tagħha, b’għoxrin sekonda mit-tellieqa ta’ qabel.

It-tielet u l-aħħar tellieqa finali tal-Eurosport BSJ 5k Road Running Series issir nhar it-Tlieta 13 ta’ Awissu fis-6:30 ta’ filgħaxija. Atleti li jixtiequ jirreġistraw jistgħu jagħmlu hekk billi jżuru https://bkarastjoseph.com/ jew mill-inqas siegħa qabel il-bidu tat-tellieqa fil-ġurnata.

 





Leave a comment