Logħob fl-Ewropa għal referees Maltin

Friday, November 26, 2010, 13:02

Wara nominazzjonijiet għal partiti fl-Italja u Spanja aktar kmieni dan ix-xahar, ir-referee internazzjonali tal-basketball Malti, Bernard Vassallo, se jerġa jkun fl-azzjoni fl-isfera Ewropeja meta se jikkontrolla żewġ partiti rispettivi ġewwa Spanja matul din il-ġimgħa.

Vassallo l-ewwel se jkun ir-referee fil-partita valida minn Grupp D tal-FIBA Euroleague li se tintlagħab ġewwa l-Pabellon San Luis ta’ Valencia nhar l-Erbgħa 24 ta’ Novembru bejn Ros Casares Valencia u ċ-ċhampions tar-Repubblika Ċeka Brno. Bħalissa Valencia jinsabu fil-quċċata ta’ Grupp D b’erba’ rebħiet minn daqstant partiti waqt li Brno jinsabu jaqsmu t-tielet post fost sitt skwadri fl-istess grupp.

Il-Ħamis 25 ta’ Novembru Vassallo se jkun imbagħad ir-referee tal-logħba minn Grupp J tal-FIBA EuroCup li se tintlagħab ġewwa l-Pabellon Principe Felipe f’Zaragoza bejn Mann Zaragoza u t-team Polakk Torun. Dawn ta’ l-aħħar bħalissa jinsabu fl-ewwel post tal-grupp b’Zaragoza posizzjoni warajhom logħba biss il-bogħod. Aktar kmieni dan ix-xahar, ġewwa l-Polonja, Torun kienu għelbu lil Zaragoza 87-79 f’logħba li kienet deċiża biss wara żewġ perjodi ta’ ħin barrani.

Ir-referees għaż-żewġ partiti, minbarra Vassallo, se jkunu Igor Poljansek (Slovenja) u Fabrizio Pizio (Svizzera).

Fl-istess waqt, ir-referee l-ieħor Malti Gordon Barbara se jkun il-Portugall fejn nhar il-Ħamis 25 ta’ Novembru se jkun wieġed mill-uffi       ċjali tal-logħba minn Grupp H tal-EuroCup bejn Vagos u Nantes (Franza). Waqt li Vagos għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa tagħhom minn 4 logħbiet, Nantes jinsabu waħedhom f’ras il-klassifika. Fl-ewwel round Nantes rebħu faċilment 83-41.





Leave a comment