Lija ċampjins tal-Ewwel Diviżjoni, stennija għall-playoffs

Monday, April 13, 2015, 21:16

Hekk kif intlagħab rawnd ieħor ta’ logħob mill-Gatorade Futsal Premier League fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin kellna l-partita ferm mistennija fejn Balzan għelbu lil Ħamrun Spartans bl-iskor ta’ 5-3.

Wara taqsima sħiħa fejn iż-żewġ naħat ikkontrollaw lil xulxin, kienu Balzan li skorjaw wara tmien minuti permezz ta’ Frane Despotovic.

L-istess plejer Despotovic lejn l-aħħar tal-ewwel taqsima beda jagħmilha ta’ flying keeper sabiex jirdoppjaw l-iskor.

Madankollu sal-ewwel taqsima l-iskor baqa’ 1-0 favur Balzan.

Fit-tieni taqsima, Balzan ħarġu ferm tajjeb hekk kif skorjaw darbtejn wara xulxin permezz tal-plejer Mark Zammit.

Ħamrun wettqu reazzjoni u naqqsu l-iskor grazzi għall-Brażiljan Raphinha.

Madankollu l-ferħ tal-gowl ftit dam għall-Ispartans minħabba li Marco Conti u Glenn Bonello żiedu tnejn oħra għaċ-ċampjins preżenti għal 5-1.

Hawnhekk reġa’ daħal fix-xena Raphinha li f’ħin qasir skorja żewġ gowls oħra sabiex għamel l-iskor finali Balzan 5 Hamrun 3.

F’partita oħra diretta għar-raba’ post li jfisser play-offs, Valletta għelbu lil Swieqi United 7-6 f’logħba sabiħa, eċitanti u akkanita. B’din ir-rebħa il-Beltin kważi għamluha għal play-offs finali.

Javier Montes Burgos u Dennis di Maio għaqqdu doppjetta personali filwaqt li Shawn Vella, Melvin Borg u Xavier Saliba żiedu aktar gowls għat-tim mill-Kapitali.

Andrew Sammut Alessi skorja tnejn sabiex Patrick Kinni, Andrew Decesare, Fredrik Johansson u awtogowl naqqsu l-marġni tal-iskor għal Swieqi.

Qormi għelbu lil Zebbug 11-5 bl-Albaniż Endrit Kaca l-protagonista prinċipali f’din il-partita meta skorja sitt gowls.

F’konfront min-naħa t’isfel tal-klassifika, Mosta għelbu lil Gzira 3-2.

Jekk nagħtu ħarsa lejn il-klassifika naraw li Luxol baqgħu jżommu l-ewwel post b’41, segwiti minn Ħamrun li minkejja t-telfa baqgħu t-tieni b’37 punt,

warajhom Balzan b’36. Bir-rebħa li kisbu Valletta huma għandhom 24 punt, Qormi jsegwu b’21 filwaqt li Swieqi għandhom 20.

Fin-naħa t’isfel Mosta għandhom 12 filwaqt li Gżira 4 u Żebbuġ sieq waħda fl-ewwel diviżjoni baqgħu b’2 punti biss.

 

Fil-Gatorade Futsal tal-ewwel Diviżjoni, bir-rebħa kbira ta’ 7-0 li Lija kisbu kontra Mdina huma ġew dikjarati matematikament ċampjins ta’ din id-diviżjoni.

Msida St Joseph aċċertaw ukoll post fil-play-offs wara rebħa tajba fuq Mqabba 10-6.

Il-konfront bejn Birżebbuġa u Qrendi intemm fi dro ta’ 2-2, filwaqt li Sirens għelbu lil Siggiewi bl-iskor ta’ 8-1.

Mellieħa għelbu lil Attard bl-iskor ta’ 8-4, filwaqt li Luqa lagħbu l-logħba ta’ ħajjithom u għelbu lil Naxxar 3-2.

Fil-klassifika naraw li issa Lija ma jistgħux jintlaħqu minn Mellieħa filwaqt li Naxxar, Attard u Msida se jilagħbu fil-play-offs finali.





Leave a comment