Leo Butler jirbaħ id-Demolition tal-karozzi żgħar 2018

Wednesday, March 21, 2018, 12:04

Nhar il-Ħadd li ġej fl-għaxra ta’ filgħodu, l-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi se tkompli bit-tiġrijiet tal-kampjonat Nazzjonali Honda Motocross 2017/2018 , fil-korsa tal-ASMK f’Ta’ Qali.

Intant Il-Ħadd li għadda l-Assoċjazzjoni organizzat is-seba’ programm mill-Kampjonat Nazzjonali Autocross 2017/2018 sponsorjat minn Pasta Poiatti. Għal din il-ġurnata irreġistarw 17 il-kompetitur maqsuma f’żewġ klassijiet.

Vince Farrugia fuq Volkswagen Polo rebaħ il-Klassi Modified segwit minn Karl Micallef fuq Ford Fiesta, Andrew Pisani fuq Vauxhall Nova, Noel Zammit fuq Fiat Punto u Keith Borg fuq Vauxhall Nova rispettivament.

Ryan Scicluna fuq Ford Fiesta rebaħ il-Finali tal-Klassi Modified B segwit minn Brandon Lee Vassallo fuq Peugoet 205. Mill-Klassi Standard għal darb’oħra Deane Farrugia fuq Citroen AX rebaħ din il-klassi segwit minn Jerom Peplow fuq Kia Avella, Chris Formosa fuq Ford Fiesta, Nicovich Chircop fuq Peugoet 106 u Kyle Agius fuq Renault 5.

Il-ġurnata spiċċat bid-Demolition Derby tal-karozzi zgħar (dawk sa 4 metri) fejn f’din l-edizzjoni rreġistraw 41 kompetitur u ħadu sehem 34 karozza.

Matul din it-taqtigħa, li kienet l-aħħar vjaġġ ta’ dawn il-karozzi qabel imoru kollha għar-riċiklaġġ, b’żewġ dawriet mal-korsa fejn ezatt wara, bdiet mill-ewwel id-Demolition Derby. Għal 40 minuta kemm damet din id-Demolition, dawn is-sewwieqa kellhom ħila jippruvaw iwasslu l-vettura li tibqa taħdem minkejja l-ħbit volontarju li sar skont regolamenti stretti waqt it-tiġrija. Ir-rebbieħ kellu jiġi determinat bejn Fernado Cremona fuq Peugoet 205 li kien qed jipparteċipa għall-ewwel darba u Leo Butler fuq Lada Samara li għalih din l-edizzjoni kienet il-21 darba.

Cremona li kellu l-vettura tiegħu għada taħdem ftit aħjar min dik ta Butler, fejn dan tal-aħħar kellu l-karozza kważi tintefa il-ħin kollu. Minkejja li Cremona kellu ċans ikbar li jipprova jwaqqaf lil Butler, dan ma seħħx minkejja li saru tentattivi min-naħa taż-żewġ sewwieqa biex ikomplu din il-loghba sal-aħħar. Kollox ġie mitmum meta l-magna ta Cremona waqfet u r-rebbieħ tad-Demolition tal-karozzi z-zgħar 2018 ġie ddikjarat Leo Butler fuq Lada Samara. Fernando Cremona spiċċa r-Runner-up fuq Peugeot 205.

L-ASMK tavza li d-Demolition li jmiss hija dik tal-Vanijiet li mistennija ssir waqt attività bil-lejl, nhar is-Sibt 28 ta’ Lulju 2018. L-Amministrazzjoni tinforma li fil-jiem li ġejjin se joħorġu ir-Regoli għal din id-Demolition tal-Vanijiet.

Rittrati ta’ Mario Micallef





Leave a comment