Lejn il-Finali tas-Super Cup

Friday, September 14, 2018, 9:26

Illejla fit-tmienja u kwart ta’ filgħaxija, jingħata bidu għal staġun ġdid tal-futsal u l-ewwel wieħed taħt l-amministrazzjoni tal-Malta Football Association. Fl-ewwel logħba tal-istaġun se tintlagħab il-finali tas-Super Cup bejn Valletta FC Futsal ċ-ċampjins tal-kampjonat Elite u tim tal-istudenti tal-Università ta’ Malta li huma r-rebbieħa tal-aħħar edizzjoni tan-Knock Out.

F’kummenti li tana l-kowċ ta’ Valletta Xavier Saliba, is-suċċess miksub fil-UEFA Futsal Champions League kien wieħed ferm mixtieq u li bdew jaħdmu għalih sa minn tmiem wara l-istaġun li għadda. Għaldaqstant issa l-ħarsa tagħhom se tkun biss fuq il-finali ta’ għada. Huma se jilagħbu għal tazza oħra importanti u se jagħmlu minn kollox biex iġġibuhom lejn il-Belt Valletta. Wara l-finali tas-Super Cup se jkollhom żmien impenjattiv jistennihom għaliex iridu jippreparaw għall-Main Round tal-UEFA Futsal Champions League u se jkollhom uħud mill-plejers impenjati mat-timijiet nazzjonali, inkluż il-Maltin. L-obbjettivi ta’ Valletta huma ċari li jirbħu kemm jistgħu minn kull tazza disponibbli għall-istaġun li jmiss.

Min-naħa l-oħra l-Universitarji huma konxji li l-finali tas-Super Cup se tkun logħba ferm iebsa għalihom kontra skwadra tajba ħafna. Għaldaqstant il-kowċ tagħhom Đorđe Maksimovic li se jiddebbuta magħhom bħala kowċ, wara li fil-passat kien jilgħab mal-istess tim tal-Università ta’ Malta, qed jipprepara lit-tim biex jiksbu l-aħjar riżultat minn dan il-konfront. It-tim tal-Università ta’ Malta wara r-rebħ tan-Knock Out għadda minn diversi bidliet sew bħala plejers u amministrazzjoni, iżda se jkomplu bl-istess ħidma u mentalità li kellhom fil-passat u li l-istudenti tal-Università huma magħrufa għaliha.





Leave a comment