Laqgħa ma’ Simone Farina

Wednesday, March 9, 2016, 14:46

Illum wara nofs in-nhar is-Segretarju Parlamentari laqa’ fl-uffiċju tiegħu lil Simone Farina, ex-plejer tal-futbol fl-Italja, li huwa l-mistieden speċjali ta’ SportMalta Awards, Għażliet Sportivi Nazzjonali.  F’din il-laqgħa nformali kien hemm wkoll preżenti il-kelliem għall-Oppożizzjoni David Agius, il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar, il-Viċi President tal-MFA Dr Chris Bonett, l-Integrity officer tal-MFA Franz Tabone u s-Segretarju Ġenerali tal-Għaqda Ġurnalisti Sport Sandro Micallef fost l-oħrajn.

Matul il-laqgħa ġie diskuss l-irwol ta’ Simone Farina favur futbol aktar nadif.  Is-Segretarju Parlamentari Agius qal li l-għażla tal-mistieden kienet waħda mportanti għaliex huwa l-ħsieb tal-Gvern li jipproġetta sport aktar nadif, il-bogħod mill-vizzji u minn kull perċezzjoni ta’ korruzzjoni.  Huwa qal li s-Segretarjat Parlamentari għall-Isport u SportMalta qed jilgħabu parti attiva ħafna fit-task force kontra l-korruzzjoni li ġiet mnedija flimkien mal-Malta Football Association.

Simone Farina spjega kemm kien kuntent li ser ikun il-mistieden tal-unur fis-serata annwali SportMalta Awards, Għażliet Sportivi Nazzjonali.   Din hija l-ewwel darba li Farina żar gżiritna u ra similaritajiet bejn iż-żewġ pajjiżi u ħassu tassew milqugħ fi gżiritna.

Simone Farina kien player normali li lagħab sa livell ta’ Serie B.  Huwa spjega kif, għalkemm il-futbol dejjem kien passjoni għalih, qatt ma ħass li kien xi player kbir bħall-Messi.  Meta kien avviċinat biex jbiegħ il-logħba ħass li kellu jipproteġi l-logħba li tant iħobb u kienet din waħda mir-raġunijiet għalfejn huwa ddeċieda li jitkellem.  Spjega kif dak iż-żmien kien wieħed ta’ tensjoni fejn beża x’setgħa jiġri minnu u speċjalment mill-familja tiegħu.  Madanakollu rraġuna li d-deċiżjoni kienet waħda ta’ żewġt uċuħ, jew jikxef jew inkella jkun fir-riskju li jinqabad u jkun skwalifikat mill-logħba li kienet dejjem iċ-ċentru ta’  ħajtu.

Meta ħa d-deċiżjoni ħaseb li din kienet ser tkun azzjoni li tirrigwardja ftit nies u ftit immaġina r-riperkussjonijiet kbar li ġabet magħha l-ammisjoni tiegħu.  Filfatt l-ammisjoni tiegħu mal-awtoritajiet  kienet biss il-bidu ta’ investigazzjoni kbira li għeżżet lill-futbol Taljan.  Huwa spjega kif filli kien sempiliċiment plejer fis-Serie B u filli kien qed ikollu jaddatta għall-bosta impenji li ġabet magħha din l-aħbar, fosthom intervisti u attivitajiet biex titqajjem kuxejnza kontra l-korruzjoni fl-isport.

Hu qal li f’mumenti bħal dawn għalkemm jixtieq jitkellem mal-ġurnalisti ġie mogħti l-parir biex ma jagħmilx dan, minħabba li l-kawża ser tibda fiż-żmien li ġej.  Hu tenna pero li għada ser ikun qed jitkellem dwar l-esperjenza tiegħu fis-serata ta’ għoti ta’ unuri.

Illum huwa jservi ta’ scout għat-tim ta’ Aston Villa, filwaqt li huwa nvolut f’bosta proġetti fosthom integrity tour li qed isir fis-Serie B fl-Italja.  Minbarra dan huwa ambaxxatur tal-Fair Play tal-FIFA.  Jħares lejn il-futur b’ottimiżmu bix-xewqa li jibqa’ jkun ta’ eżempju għat-tfal u żgħażagħ fil-logħba tal-futbol.

Intant għada Simone Farina minbarra d-diskors tiegħu waqt s-serata ta’ għoti ta unuri, ser jiltaqa’ mal-parteċipanti ta’ #OntheMove Skolasport fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop u wara ser jindirizza lill-kowċes f’laqgħa bit-titlu ‘Football Integrity Seminar’.  Il-Ħadd, mbagħad ser jiltaqa’ mar-rebbieħa tal-unuri ta’ SportMalta Awards Għażliet Sportivi Nazzjonali fi Sports breakfast.

———————————————————————————————————————————————————-

Min hu Simone Farina?

Il-karriera ta’ Farina bdiet fl-1998 fis-settur taż-żgħażagħ ta’ AC Roma. Bejn l-2002 u l-2007 lagħab ma’ Cittadella Padova, Gualdo u Calano sa kemm fl-2007 ingħaqad ma’ Gubbio li magħhom sal-2012 lagħab 105 logħobiet.  Karriera pjuttost kwieta f’kampjonati ta’ kategoriji nferjuri sakemm f’Dicembru 2011, seħħ incident li biddillu ħajjtu u poġġieħ fl-aħbarijiet.  Kien sar magħruf li qabel il-logħba tal-Coppa Italia bejn Gubbio u Cesena ġie kkuntattjat mill-eks plejer ta’ Roma Alessandro Zamperini sabiex jikkuntattja tlett plejers oħra u jbiegħu l-logħba għal 200,000 ewro.  Irraporta dan il-każ lill-awtoritajiet b’mod li ngħata bidu għal dik imsejjha bħala Operazione Last Bet.  Dak li seħħ wara għeżżeż il-futbol fl-Italja.

B’turija ta’ dan ingħata rikonoxximent mill-FIFA u mill-Federazzjoni Taljana tal-Futbol. F’dawn l-aħħar snin qed jaħdem fis-settur taż-żgħażagħ fl-Ingilterra ma’ Aston Villa

———————————————————————————————————————————————————-

Gallery

———————————————————————————————————————————————————-

———————————————————————————————————————————————————-

Simone Farina

 

 

 





Leave a comment