Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Assocjazzjoni Maltija tat-Triathlon

Thursday, January 6, 2011, 16:49

Fil-bidu ta’ Diċembru, l-Assoċjazzjoni Maltija tat-Triathlon żammet il-Laqgħa Anwali Ġenerali fis-sala prinċipali tal-Kunsill Lokali tal-Imġarr. Il-President tal-AMT, is-Sur Manuel Azzopardi, semma fuq fuq l-attivitajiet prinċipali tal-istaġun li kien għadu kif spiċċa: ir-riżultat eċċellenti miksub mit-Tim Nazzjonali li spiċċa fl-ewwel post fil-Kampjonat tat-Triathlon tal-Pajjiżi ż-Żgħar li nżamm ġewwa Liechtenstein u li grazzi għal dan ir-riżultat, it-Tim, li kien jikkonsisti f’ Danica Bonello Spiteri, Dermot Galea u Mark Zammit, ingħata l-midalja tad-deheb fil-MOC Sports Awards.

 Isemmiet ukoll ir-rebħa tat-Tim kompost minn Keith Galea u Mark Zammit fuq dak Sqalli fil-konfront bejn Malta u Sqallija fil-Logħob ta’ Ħbiberija organizzati mill-Kumitat Olimpiku Malti; it-tieni post li Brian Magri u Fabio Spiteri kisbu fi tlielaq ġewwa Londra u Abu Dhabi rispettivament u, fl-aħħarnett, it-Training Camp organizzat gewwa Cefalu grazzi għall-MOC-CONI Protocol.

Is-Sur Azzopardi innota b’sodisfazzjon iż-żieda tal-parteċipazzjoni ta’ atleti ġodda fit-tlielaq tat-Triathlon li nżammu matul l-istaġun. Grazzi għal din iż-żieda, żewġ klabs magħrufin tal-ġiri, is-St Patrick’s AC u l-Pembroke Athleta, iddeċidew li jiftħu sezzjonijiet tat-Triathlon għall-atleti tagħhom.

Is-Sur Azzopardi irringrazzja lil-Kumitat Olimpiku Malti u lil-Kunsill Malti għall-iSport li mingħajr l-għajnuna kontinwa tagħhom, il-parteċipazzjoni u r-riżultati tal-atleti żgur ma kienux ikunu possibli.

Huwa rringrazzja wkoll lil B’Kara St Joseph SC, li organizzaw 4 mit-tlielaq tal-Kampjonat, lil Joseph F. Spiteri & Co (1927) Ltd., aġenti lokali ta’ Kee Klamp, li għenu lil-AMT biex torganizza t-tlielaq prinċipali taghha, lil Malta Tourism Authority, lil-Plum Tree Restaurant, lil-Kristal Water u lis-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Imġarr.

Fl-aħħar tal-Laqgħa, Danica Bonello Spiteri u Brian Magri ingħataw it-trofew tat-Triathlete of the Year – unur li jingħata lil dawk l-atleti (raġel u mara) li l-aktar ikunu konsistenti matul l-istaġun.





Leave a comment