Laqgħa Atletika organizzata b’suċċess mill-M.E.S.A.

Monday, April 22, 2019, 10:35
Ftit anqas minn 100 atleta ħadu sehem fl-ewwel Laqgħa Atletika organizzata mill-Malta Employees Sports Association (MESA) nhar l-Erbgħa 17 ta’ April 2019 fil-Matthew Micallef St John Athletic Stadium, il-Marsa. B’kollox ġew organizzati tmintax-il event, li għaxra kienu track u tmienja field, bl-atleti maqsuma fi tliet kategoriji. Kategorija A kienet għal dawk l-atleti bejn it-18 u t-30 sena; Kategorija B bejn il-31 u l-45 sena u Kategorija Ċ minn 46 sena ‘l fuq. L-events naturalment kienu maqsumin f’dawk għall-irġiel u dawk għan-nisa u fattur interessanti kien li ġew mistiedna jieħdu sehem ukoll atleti minn Special Olympics Malta bil-għan ewlieni jkun l-inklużjoni ta’ dawn l-atleti f’laqgħa miftuħa għall-ħaddiema in ġenerali.

L-aktar event li attira atleti kien il-5,000 metru, li fih ħadu sehem 34 irġiel u 6 nisa. Dawn kienu jinkludu għadd ta’ atleti ta’ livell għoli, tant li l-ewwel żewġ atleti, Charlton Debono u Andrew Grech, offrew spettaklu u spiċċaw it-tigrija f’ħin ferm tajjeb.

Kien hemm diversi events oħra li l-konkorrenza fihom kienet tajba ħafna wkoll u dan għen mhux ftit biex din il-Laqgħa Atletika tkun waħda ta’ sodisfazzjon għall-MESA.

Il-MESA turi l-apprezzament tagħha lil Anna Calleja, Direttur ta’ Special Olympics Malta, u t-tim tagħha, li ppreżentaw għadd ta’ atleti żgħażagħ minn Special Olympics Malta, li wħud minnhom ħallew impressjoni ferm pożittiva matul din il-Laqgħa Atletika.

Ta’ min ifaħħar lill-atleti kollha li ħadu sehem u li ġew għal din l-attività b’entużjażmu liema bħalu biex assiguraw li ntlaħaq l-għan li għalih ġiet organizzata.

Ringrazzjament kbir ukoll imur lit-tim ta’ voluntieri, immexxija minn Raymond Scicluna u Aldrin Cassar, illi mexxew din il-Laqgha Atletika. Mhemmx dubju li l-kontribut tagħhom kien strumentali biex din il-Laqgha Atletika kienet suċċess u li għandha twitti t-triq għal aktar laqgħat simili fil-futur.




Leave a comment