Lanqas Luxol ma jwaqqfu lil Valletta

Monday, November 6, 2017, 11:20

Fil-konfront ferm mistenni bejn Luxol u Vallletta, li ġab numru kbir ta’ nies lejn il-Padiljun Sportiv ta’ Kordin, ra lill-Beltin joħorġu rebbieħa bl-iskor ta’ 4-2. B’hekk Valletta jkomplu għaddejin bis-serje ta’ rebħiet, hekk kif din tkun kontra Luxol tkun is-sitt rebħa konsekuttiva.

Wara li ż-żewġ timijiet għamlu ħin twil ferm għassa ta’ xulxin, ħames minuti mit-tmiem tal-ewwel taqsima, Gia Nikvashvili ra lil Jovica Milijic żmarkat quddiem il-lasta u tah il-ballun li minnhu faċilment poġġa lill-Beltin fil-vantaġġ.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, reġa kien Milijic li rdoppja l-iskor għat-tim mill-Kapitali. Sitt minuti mit-tmiem, kien imiss lil Murtaz Kakabadze li kellu prestazzjoni mill-aqwa, sabiex skurja t-tielet gowl għal Valletta.

Kien hawn li Luxol ħarġu determinati li jieħdu xi ħaġa minn dan il-konfront. Hekk kif tefgħu kollox fuq l-attakk bl-inklużjoni ta’ Celino Alves bħala flying keeper. Din il-mossa ħadmet tajjeb u biha l-captain Mark Zammit skurja darbtejn.

Iżda l-Beltin li ma stennewx din ir-reazzjoni min-naħa ta’ Luxol, qamu għall-okkażjoni u fl-aħħar minuta Denis Di Maio ssiġġilla s-sitt rebħa konsekuttiva, fil-bidu ta’ dan l-istaġun.

F’aktar logħbiet li kellna matul din il-ġimgħa, Pietà għelbu lit-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United bl-iskor ta’ 11-0. Hamrun Tre Angeli żiedu rebħa oħra meta għelbu lil Tarxien JMI bl-iskor ta’ 6-2. Swieqi United irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Qormi 9-4. Mriehel ESS ukoll irritornaw għar-rebħ meta għelbu lil Marsaskala 8-1. Fl-aħħarnett fid-derby studentesk bejn il-Junior College u t-tim tal-Università, l-Universitarji ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 18-4.

Fil-klassifika tal-kampjonat Valletta jibqgħu waħedhom fil-quċċata bi 18-il punt, segwiti mit-tim tal-Università u Pietà bi 15-il punt. Fit-tielet post insibu lil Hamrun Tre Angeli bi 13. Luxol baqgħu b’disa’ punti daqs Swieqi United. Tarxien JMI Qormi u Mriehel ESS  għandhom sitt punti, filwaqt li Marsaskala għandhom tliet punti. Fil-qiegħ tal-klassifika, Junior College u t-tim ta’ taħt il-21 sena ta’ Swieqi United għadhom mingħajr l-ebda punt.

Intant il-ġimgħa d-dieħla jkollna dawn il-logħbiet fil-Padiljun Sportiv ta’ Kordin:

It-Tnejn 6/11/17

Fit-8:00 pm Marsaskala vs Swieqi United U21

Fid-9:15 pm Mriehel ESS vs Junior College Valletta

Il-Ħamis 9/11/17

Fit-8:00 pm Hamrun Tre Angeli vs L-Università ta’ Malta

Fid-9:15 pm Valletta vs Tarxien JMI

Il-Ġimgħa 10/11/17

Fit-8:00 pm Qormi vs Luxol

Fid-9:15 pm Pietà vs Swieqi United





Leave a comment