L-Onor.Stefan Buontempo iżur il-Pixxina Nazzjonali

Friday, April 26, 2013, 12:05

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka u Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Stefan Buontempo, qal li fi żmien qasir se jiġi kkummissjonat rapport tekniku dwar il-qagħda tal-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq. Huwa ħabbar dan waqt żjara li għamel fil-faċilità biex jara b’għajnejh x’hemm bżonn li jsir biex titwettaq il-wiegħda elettorali tal-Gvern li dan il-kumpless jiġi rriġenerat. Malli dan ir-rapport jitlesta, jibda minnufih l-ippjanar tax-xogħol li jsid isir.

 

Dr Buontempo qal li daqskemm huwa ta’ sodisfazzjon kbir li tara daqstant nies li jgawdu mill-faċilitajiet offruti f’Tal-Qroqq, daqstant ieħor huwa ta’ tħassib il-fatt li matul is-snin il-post tħalla fi stat dilapidat.  Waqt il-mawra tiegħu, huwa ra b’għajnejh doċċi abbandunati għax jekk jintużaw l-ilma minnhom jispiċċa fl-impjant tat-tisħin tal-pixxina; l-art ta’ madwar il-pixxina li faċli tagħtik gambetta, b’madum nieqes u b’irqajja’ mdaqqsin mimlijin bis-siment; tagħmir li ma jiffunzjonax, imkisser jew fi stat ħażin ħafna; nuqqas ta’ manutenzjoni u stat ta’ telqa f’ċerti partijiet; ostakli perikolużi għat-tfal u nuqqas ta’ aċċess faċli għall-persuni bi problemi ta’ mobbiltà f’partijiet bħal klinika. Dan kollu jfisser periklu u inkonvenjenza kemm għal min juża l-faċilitajiet tal-pixxina kif ukoll għall-ispettaturi tal-partiti tal-waterpolo.

 

Dr Buontempo qal li jrid jaħdem id f’id mal-Kunsill Malti għall-Isport u mat-tmexxija u l-istaff tal-pixxina biex, mill-aktar fis possibbli, dawk kollha li jagħmlu użu mill-post jibdew jingħataw servizz f’ambjent li verament jixraq lil pajjiż Ewropew. Il-pixxina tiswa lill-Gvern madwar 1.7 miljun Ewro fis-sena.

 

Is-segretarju parlamentari ġie mdawwar mal-faċilitajiet mill-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Isport, Colin Calleja, mill-Maniġer tal-Faċilità, Charles Muscat, u mill-Uffiċjal għas-Saħħa u s-Sikurezza tal-KMS, Elke Sghendo. Huwa kellu wkoll l-okkażjoni li jiltaqa’ mal-ħaddiema tal-Pixxina Nazzjonali.

 

 





Leave a comment