L-Objettivi għall-2011 tal-Aquatic Sports Association

Wednesday, January 5, 2011, 16:13

minn Cristian Muscat.

Joe Caruana Curran - President ASA

Joe Caruana Curran - President ASA

Waqt konferenza stampa li saret ilbieraħ 4 ta’ Jannar fil-kwartieri tal-ASA li jinsabu fil-Pixxina Nazzjonali  f’Tal-Qroqq, il-President il-ġdid tal-ASA Joe Caruana Curran  afferma li huwa lest li jirdoppja l-isforzi tiegħu biex jissapportja lill-għawwiema Maltin wara l-wirjiet brillanti tagħhom fil-kampjonati tad-dinja tal-korsa qasira li saru f’ Dubai x-xahar li għadda. Caruana Curran, fl-ewwel laqgħa tiegħu mal-media wara li nħatar kap tal-ASA flok Dr. Austin Sammut ix-xahar li għadda, faħħar bis-sħiħ lill-10 għawwiema li ffurmaw parti mit-tim nazzjonali mmexxi minn Andy Colbourn wara li waqqfu 27 rekord nazzjonali ġdid. Dan is-suċċess wasal ftit ġimgħat wara li l-istess grupp t’ għawwiema waqqfu 18-il rekord nazzjonali waqt kompetizzjon li saret f’Berlin, fil-Ġermanja.

Caruana Curran qal li l-ewwel dmir li kellu fix-xogħol il-ġdid tiegħu kien li jipprova jibdel il-perċezzjoni li l-għawm jiġi wara l-waterpolo fil-lista ta’ prijoritajiet tal-ASA.

Min-naħa l-oħra l-kowċ tat-tim nazzjoanli tal-għawwiema Andy Colbourn qal li l-esperjenza ta’ Dubai għandha tkun pjattaforma ideali għall-għawwiema tat-tim nazzjonali qabel kompetizzjoni ferm importanti li se ssir din is-sena jiġifieri l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar ġewwa Liechtenstein.

F’Ċipru fl-2009, it-tim Malti kien kompost biss minn ħames għawwiema nisa’ fosthom Davina Mangion, Nikki Muscat, Talisa Pace, Nicole Cremona u Melinda Sue Pace. Madankollu, din id-darba Colbourn qed jistenna tim kompost minn iktar membri, liema tim se jmur Vaduz, f’ Liechtenstein. Bħala preparazzjoni għal Liectenstein, Colbourn qal li t-tim nazzjonali tal-għawwiema se jikkompeti fil-meeting tradizzjonali tal-Għid, li se jinżamm f’April, imma huma qegħdin ukoll jippjanaw li jmorru Berlin f’Marzu kif ukoll jieħdu sehem fi training camp fl-Italja taħt l-awspici tal-Kumitat Olimpiku Taljan – il-CONI.

Il-Logħob għall-Pajjiżi ż-Żgħar mhux se jkun l-uniku avveniment internazzjonali għall-għawwiema Maltin. Colbourn qal li se jkunu qegħdin jibagħtu tim kompost minn tmien għawwiema fil-kampjonati mondjali li se jsir f’Shangai, iċ-Ċina lejn l-aħħar ta’ Lulju li ġej. Colbourn kompla billi qal li din il-kompetizzjoni fiċ-Ċina se tkun  waħda importanti ħafna għall-għawwiema Maltin minħabba li dawk biss li se jagħmlu dan il-vjaġġ fil-Lvant Mbiegħed se jkunu eliġibbli għall-kwalifikazzjoni għall-Olimpjadi tal-2012 li se jsiru f’Londra.

Sadanittant, ilbieraħ ukoll kien żvelat li kien hemm żewg nominazzjonijiet għall-karigi vakanti ta’ segretarju tal-ASA kif ukoll ta’ Viċi President responsabbli mill-waterpolo. Martin Borg huwa l-uniku kandidat għall-kariga ta’ segretarju waqt li Alan Bonello kien nominat għall-kariga ta’ Viċi-President responsabbli mill-waterpolo. Dawn il-karigi se jsiru uffiċjali nhar it-18 ta’ Jannar li ġej waqt il-Laqgħa Ġenerali tal-ASA.





1 Comment

  1. parent says:

    well done to new Pres Caruana Curran.

    he is breath of fresh air to asa. with no offense meant to previous incumbents, these indivuals were only ever seen on pool deck to present some medal to swimmers during nationals or throphy at the end of wp season.

    this president is on the pool deck every single day from 6pm onwards, not to mention that today during the monthly time trials was present from beginning to end. prosit and well don e :)

    [Reply]

Leave a comment